- Mario Galea, Deputat Nazzjonalista
Mario Galea, Deputat Nazzjonalista, beda biex sellem il-memorja ta’ omm l-Ispeaker li mietet ftit tal-ġranet ilu. Sellem ukoll il-memorja tal-eks Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi li miet ċirka sena ilu. Sellem ukoll lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmain Gauci li tul il-pandemija tal-Covid-19 għamlet ħafna xogħol imprezzabbli.
Mario Galea qal li bla dubju ta’ xejn li fid-dawl tal-Covid-19, żdiedet f’pajjiżna l-problema ta’ Saħħa Mentali u anki l-problema tad-dipressjoni. Quddiem is-Saħħa Mentali u d-dipressjoni għandna ningħaqdu lkoll flimkien u naħdmu flimkien biex f’pajjiżna negħlbu kemm jista’ jkun dawn il-problemi, inkluż il-problema tad-dippressjoni.
Hu qal li min ibati minn dawn il-kundizzjonijiet marbuta mas-Saħħa Mentali ma jkunx għaddej minn ċirkostanzi faċli. Hawn skiet li jtarrax fil-konfront tal-kura li jingħataw dawn il-persuni u minn studji xjentifiċi li saru jirriżulta li meta ċerti figuri pubbliċi, inkluż politiċi, jitkellmu bil-miftuħ dwar din il-ħaġa, ir-reazzjonijiet ikunu qawwija u dak li jkun iħossu komdu aktar li jitkellem dwar l-esperjenza diffili li jkun għaddej minnha.
Hawn ħafna nies li qed ibatu fis-skiet u dan minħabba l-istigma u l-biża’ li għadhom igeżwru l-kwistjoni tas-Saħħa Mentali. Diġà hawn fostna l-pandemija tas-Saħħa Mentali u min qiegħed f’din il-problema m’għandux jistħi jiġi ’l quddiem biex jieħu l-kura li għandu bżonn biex hekk joħroġ minn dak li jkun jinsab fih.
Mario Galea kompla li hu jifhem kif il-Covid-19 interrompiet ħafna mill-kura u l-attenzjoni fir-rigward tas-Saħħa Mentali fejn pajjiżna għandu jirritorna malajr kemm jista’ jkun fil-qawwa tal-kura li tant u tant pazjenti għandhom bżonn.
Hu qal li pajjiżna għandu jieħu ħsieb ukoll lill-front liners li ħadmu qatigħ fil-perjodu tal-pandemija u fisser li l-probabbiltà l-kbira li dawn il-front liners se jgħaddu minn ċerti problemi u għalhekk issa jridu jkunu huma li jsibu lil min jieqaf magħhom biex jingħataw il-kura li jistgħu jiġu bżonn.
Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tas-suwiċidju u qal li hu mument wieħed biss ħażin li jkun għaddej minnu persuna li jwassu biex jispiċċa jagħmel is-suwiċidju. Ir-rata ta’ suwiċidji qed tiżdied b’mod allarmanti ħafna u l-Istat għandu jagħmel kampanja effettiva biex dak li jkun joħroġ mit-tentazzjoni li jkollu.
Mario Galea qal li hu wkoll għadda minn mumenti diffiċli meta kkontempla li jagħmel is-suwiċidju. “Jien viċin ħafna u ħlist għaliex irrikorrejt għall-kura b’mod immedjat. Meta nħares lura ngħid grazzi lil Alla li rnexxieli noħroġ mill-periklu.”
Hawnhekk Mario Galea ssuġġerixxa li l-Gvern jinvesti f’unit mediku 24/7 biex dak li jkun jagħmel kuntatt ma’ dan il-unit u jsib l-għajnuna minnufih.
//= $special ?>