Lokali Parlament

Fl-UE l-PM jappella biex ma jgħolewx il-prezzijiet tal-enerġija iżda f’Malta jħalli s-serq fil-kontijiet

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li fil-parlament dalgħodu li fl-UE l-Prim Ministru Robert Abela jappella biex ma jgħolewx il-prezzijiet tal-enerġija iżda f’Malta jħalli s-serq fil-kontijiet.

Din id-dikjazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha meta għamel intervent wara stqarrija ministerjali mill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-aħaħr laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ l-ġimgħa li għaddiet ddiskuta, l-prezzijiet tal-enerġija, l-immigrazzjoni, l-kummerċ, il-pandemija, ir-relazzjonijiet internazzjonai tal-UE u l-governanza. Hu qal li l-Kunsill tratta fid-dettall il-prezzijiet tal-enerġija u sostna li Malta għażlet li tinvesti f’teknoloġiji li ma jniġġsux u tintroduċi inċentivi għal min jinvesti fl-enerġija rinovabbli.

Il-Prim Ministru qal li Malta għandha miri ambjentali u se tkompli ssaħħaħ l-investiment u sostna li s-sitwazzjoni tista’ tirrikjedi miżuri ad hoc iżda l-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija mhux se jintefgħu fuq in-nies. Il-Gvern jaqbel li jsiru miżuri immedjati anki minħabba l-pandemija; għalhekk għandha tingħata l-protezzjoni meħtieġa.

Il-Prim Ministru kompla li l-Gvern se jassigura l-istabbiltà tal-prezz tal-enerġija fMalta biex ikompli jsir it-tkabbir ekonomiku.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-immigrazzjoni partikolarment il-protezzjoni esterni tal-UE u qabel li għandu jsir iktar investiment fil-pajjiżi li għandhom il-problemi. Robert Abela tratta l-problema tal-Libja u qal li din hi storja ta’ suċċess waqt li sostna l-UE għandha timplimenta iktar azzjonijiet. Hu qal li Malta ma taqbilx li kun hemm fruntieri interni propju minħabba l-immigrazzjoni.

Dwar il-pandemija, il-Kunsill tratta l-importanza ta’ programm effettiv ta’ vaċċinazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li fl-UE l-Prim Ministru jappella biex ma jgħolewx il-kontijiet iżda f’Malta ma jwaqqfax is-serq li l-Gvern tiegħu qed jagħmel. Hu semma’ d-deal mas-SOCAR li minnu s-SOCAR qed taqla’ l-miljuni minn fuq il-poplu; il-poplu ilu jħallas prezzijiet għoljin minħabba s-serq.

Dwar il-COVID hu qal li l-aktar każi severi huma dawk li m’humiex imlaqqma mill-vaċin u appella biex dawk li għadhom ma ħadu il-vaċċin jieħduh. Jeħtieġ li tkun kumbattuta l-kampanja skorretta kontra l-vaċċin.

X’inhuma l-pjani tal-Gvern biex iwassal it-tielet booster lill-poplu? staqsa Bernard Grech, li staqsa wkoll x’kienet il-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-Polonja li issa qed jitlef ir-rotta fuq l-istat tad-dritt fundamentali tal-poplu u qed tirriskja anki li jitlef il-fondi mill-UE.

Dwar l-immigrazzjoni, hu qal li jeħtieġ enerġija ġdida biex il-fruntieri jkunu protetta u ssir ġustizzja ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni u b’saħħitna kontra l-abbużi. Hu staqsa xinhi l-pożizzjoni tal-Prim Ministru dwar il-patt il-ġdid.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Prim Ministru ma rriferiex għat-tibdil fil-klima u sostna li l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna biex tipparteċipa f’konferenza nazzjonali dwar is-suġġett. X’se tkun il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fl-isfera internazzjonali?, staqsa Robert Cutajar.

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone qal li ftit qed isir b’mod konkret dwar l-immigrazzjoni u staqsa jekk saritx diskussjoni dwar kif ikunu salvati n-nies.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-Gven qed jirrifjuta li jieħu azzjoni dwar l-impjant tal-Montenegro li l-poplu Malti ħallas €7 miljuni meta dan inxtara €3 miljuni ftit qabel. Hu qal li The Guardian kien qal li Malta qed tilef €40 miljun għal kull transizzjoni u qed tħallas seba’ darbiet iktar għall-prezz tal-gass biex tkun ġenerata l-enerġija.

Malta ilha ħames snin tħallas bl-għoli għall-gass. Se jitwaqqaf dan il-ftehim tal-gass? Se jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim dwal-Ażerbajġan? Il-konsumatur Malti qed iħallas ħafna iktar fl-enerġija tad-dawl minn ċittadini oħra Ewropej. Mill-2013 l-poplu nsteraq €50 miljuni iżda l-Prim Ministru mhux jieħu passi.

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar staqsa dwar l-immigrazzjoni u talab lill-Prim Ministru biex jelabara dar il-pjani tal-UE fl-użu ta’ fondi Ewropej biex din il-problema tkun indirizzata.

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li l-LNG jnġies inqas mill-HFO iżda ferm iktar mill-interconnector u staqsa dwar il-flessibbiltà li tkellem dwarha fil-prezzijiet tat-trasport. Hu staqsa jekk il-Prim Ministru hux konxju li hawn eluf ta’ ċittadini minn barra l-UE li wżaw is-sistema Shengen biex ġew Malta jaħdmu fl-ekonomija s-sewda. Il-Gvern se jindirizza l-problema ta’dawn in-nies?

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-pandemija m’għolliex il-prezzijiet tal-enerġija u sostna li l-piżijiet se jibqa’ jerfagħhom il-Gvern. Hu tkellem dwar il-vaċċinazzjoni, dwar il-Polonja u dwar is-saltna tad-dritt fejn qal li “illum Malta hi stat demokratiku” fil-mod kif jaħdem. “Malta għamlet passi ta’ ġgant fi-sslatna tad-dritt”, sostna l-Prim Ministru.