Lokali

Ġurnata oħra … Aktar traffiku

Gurnata ohra – aktar traffiku.

Sa minn kmieni filghodu, it-toroq arterjali qed ikunu mizghuda bi sriebet twal ta’ karozzi…inkluz fir-rotot principali fejn ricentament saru progetti biex suppost iwieznu t-traffiku; il-Marsa, Santa Lucija, St Andrews, u Santa Venera huma ftit mill-postijiet fejn ma sbieh il-jum, kuljum, is-sewwieqa qed jesperjenzaw kongestjoni kbira ta’ traffiku.

U minkejja l-investiment li jgħid li għamel il-Gvern Laburista, twessiegħ ta’ toroq u qerda ambjentali… il-wegħda li se jitnaqqas it-traffiku kienet illużjoni oħra falza tal-Partit Laburista ….għaliex mhux talli l-problema ma ssolvietx, talli t-traffiku żdied.

Dan qed iwassal għal frustrazzjoni kbira fit-toroq, tniġġis fl-arja u…. eluf ta’ nies jaslu tard għax-xogħol.

Diversi persuni li tkellmu magħna qalulna li xebaw jitilqu sigħat kmieni biex jaslu fil-ħin. Oħrajn qalulna li ma jistax ikun li biex it-tfal jaslu fil-ħin l-iskola, iridu jitilqu mid-dar sagħtejn jew tlieta qabel – sitwazzjoni li lanqas mhi sew fuq is-sewwieqa tat-trasport tal-iskejjel.

Fuq Facebook, il-kummenti ma naqsux, b’mijiet, ta’ kuljum juru diżappunt għal wegħdi tal-Gvern: min spjega li t-traffiku mhux biss qed ikun filgħodu imma matul il-ġurnata kollha u min fakkar li kien hawn min qalilna li t-traffiku huwa ‘perċezzjoni’. Oħrajn innutaw kif it-traffiku sar jibda jinġema’ sa mis-6:30 ta’ filgħodu.. u għalhekk, lanqas jekk taħseb kmieni ma tasal fil-ħin.

Ma dawn il-persuni żgur li jirrelataw ħafna nies li b’mod partikolari filgħodu, jgħaddu mit-toroq ta’ viċin il-flyovers tal-Marsa hekk kif ta’ kuljum qed jinġema’ ħafna traffiku b’mod partikolari fi Triq Zabbar il-Fgura, f’Aldo Moro, f’Paola Hill u f’Korradino Hill.

L-istess qed tkun gravi s-sitwazzjoni fil-Marsa Ħamrun Bypass, Tal-Barrani, l-akwati ta’ Santa Venera, Birkirkara, Bugibba, Burmarrad, il-Mosta u l-Imsida fost l-oħrajn. Huma ħafna dawk li qed jappellaw biex il-Gvern jieqaf jaħseb mil-lum għal-lum għaliex dan in-nuqqas ta’ pjanar qed ikompli jġib is-sitwazzjoni agħar milli hi.. speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-ammont kbir ta’ karozzi li qed jiżdiedu fit-toroq ta’ kuljum