Lokali Saħħa

Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jpoġġi lill-anzjani fiċ-ċentru tal-politika tiegħu

Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jpoġġi lill-anzjani u lill-pensjonanti fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Dan għaliex kulħadd għandu d-dritt li jgħix ħajja dinjituża. Fejn Gvern ġdid Nazzjonalista se jirrevedi kif jinħadem il-mekkaniżmu tal-COLA u l-anzjani jirċievi d-doppju ta’ dak li qed jieħdu llum.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita Maria Deguara u mill-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar Ivan Bartolo.

Maria Deguara saħqet li l-Budget ħaseb biss fil-problemi tal-anzjani li qed jaffaċċjaw illum u mhux fil-problemi tal- ġejjieni bil-Ministru stess jammetti li l-COLA ma tirriflettix ir-realtà tal-għoli tal-ħajja.

Hija qalet li minn Jannar ħafna mill-prodotti essenzjali se jibqgħu jogħlew għalhekk l-anzjani huma konxji li ż-żieda li ngħataw fil-Budget mhux se tgħinhom jaslu sal-aħħar tas-sena d-dieħla u mhux se jkunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkollu mekkaniżmu kif tinħadem il-COLA li tiggarantixxi li kulħad jgħix ħajtu b’mod dinjituż fejn l-anzjani kollha jibdew jirċievu d-doppju ta’ dak li qed jirċievu bħalissa.

Hija qalet li fost il-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista hemm li tingħata żieda fl-istipendji tal-istudenti u kumpens ta’ 14-il miljun ewro kumpens lill-ħaddiema tas-saħħa.

Apparti dan Gvern ġdid Nazzjonalista se jimpenja ruħu li jrodd lura l-flus mis-serq tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li kommess li jkompli jżid il-mediċina b’xejn marbuta mal-mard tal-anzjani u jagħti servizz tat-tabib tal-familja b’xejn lill-anzjani ta’ 60 sena ‘l fuq. Maria Deguara qalet li wkoll li Gvern Nazzjonalista jwiegħed li f’Għawdex tinbena dar għall-anzjani f’Għajnsielem.

Min-naħa tiegħu Ivan Bartolo qal li Budget tajjeb ikun meta s-soċjetà tagħti u mhux tieħu u ma tħarisx lejn l-anzjani bħala numru u tara x’se toħdilhom. Budget tajjeb ikun meta ngħinu lill-anzjani b’servizzi mediċinali, soċjali u mentali biex huma wkoll ikunu jistgħu jgħixu b’mod dinjituż.

Huwa qal li dan kien Budget li ammmetta li d-defiċit se jkun id-doppju ta’ dak li kien previst bi Gvern li ma wettaqx miżura minn kull tllieta. Budget li qas biss semma lill-frontliners li kienu kruċjali waqt il-pandemija tal-COVID-19. .

Ivan Bartolo fakkar kif iktar ma’ persuna tikber fl-età, iktar jiżdiedu l-ispejjeż għalhekk iż-żieda li ta l-Gvern żgur li ma kinitx biżżejjed. Dan kollu se jwassal biex f’pajjiżna jkun hemm iktar persuni li mhux se jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja bil-faqar ikompli jiżdied.

Huwa fakkar kif madwar 28% jinsabu fir-riskju ta’ faqar b’ammont minnhom għandhom iktar minn 60 sena. Apparti dan kważi 2000 persuna jinsabu fir-riskju ta’ esklużjoni soċjali.

Ivan Bartolo qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħraf dak li jixtieq jagħmel jwettaq fil-futur qrib, hekk kif għalih il-poplu mhux ġaħan iżda bniedem li kapaci jaħdem u jaħseb b’moħħu.