Internazzjonali

Il-Ġappun: Il-Prinċipessa Mako tiżżewweġ u tirrinunċja għall-istatus irjali

Il-Prinċipess Mako tal-Ġappun sa fl-aħħar iżżewwġet lil Kei Komuro li kien ilu n-namrat tagħha miż-żmenijiet meta huma kienu jattendu l-kulleġġ u fejn issa ddeċidiet li tissagrifika l-istatus irjali tagħha ‘għall-imħabba’.

Il-liġi fil-Ġappun tesiġi biex in-nisa tal-Familja Rjali ma jżommux l-istatus ta’ irjali ladarba huma jiżżewwu lil xi ħadd ‘ta livell inferjuri’. Intant, din il-liġi ma tapplikax lill-membri rġiel tal-Familja Rjali Ġappuniża.

Madankollu, il-Prinċipessa Mako warrbet għar-riti tradizzjonali taż-żwieġ għal xi ħadd minn fost l-Irjali u lanqas ma aċċettat pagament li jingħata lin-nisa rjali ladarba huma jiddeċiedu biex jiżżewwġu lil raġel komuni.

Il-Prinċipessa u Kei Komuro mistennija jmorru jgħixu fl-Istati Uniti fejn Komuro qed jaħdem bħala avukat. Intant, dan it-trasferiment minn pajjiż għall-ieħor qed iqanqal paraguni bejn din il-koppja u l-Prinċep Harry tal-Ingilterra u martu Meghan Markle – b’Mako u Kei Komuro,issa, jingħataw il-laqam ta’ ‘Harry u Meghan tal-Ġappun’.