Lokali Parlament

Il-Gvern ma jikkundannax l-aġir ta’ Konrad Mizzi; jibqa’ jipproteġih

Il-membri tal-Gvern llum ma kkundannawx lill-ex ministru Konrad Mizzi li reġa’ ma marx jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-power station tal-Electrogas biex issa se jissejjaħ nhar l-Erbgħa 3 ta’ Novembru 2021.

Id-deputat Nazzjonalista u Presidnet tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li għar-raba’ darba l-ex Ministru Konrad Mizzi u l-avukati tiegħu Carol Peralta u Jean Paul Sammut huma disponibbli mit-3 ta’ Novembru 2021 ‘l quddiem.

Beppe Fnech Adami qal Konrad Mizzi qed jonqos mir-rispett lejn il-parlament għaliex ilu ajf għal iktar minn xahar li jrid jitressaq quddiem il-PAC. Hu qal li Konrad Mizzi jrid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu bħala ministru u għalhekk għar-rispett lejn il-parlament, Konrad Mizzi qed jagħmel ħsara lill-politiċi u lilu nnifsu.

Għalhekk Konrad Mizzi għandu jkun ikkundannat unanimament minn dan il-kumitat, appella Beppe Fenech Adami, li sostna li Konard Mizzi ilu jaf b’dan il-kumitat iżda issa siefer.

Glenn Bedingfield qal li l-PAC għandu jaqbel fuq data biex Konrad Mizzi jixhed quddiem il-Kumitat iżda m’għandux għalxiex joqgħod jikkundanna lil Konrad Mizzi. Hu ppropona li l-PAC jiltaqa’ fid-data tat-3 ta’ Novembru 2021; propju meta ppropona Konrad Mizzi.

Karol Aquilina qal li issa ntlaħaq il-limitu permessibbilli għaliex l-Oppożizzjoni issa ilha xahar biex jitressaq Konard Mizzi iżda minflok għamel l-obbligu tiegħu Konrad Mizzi sfaċċatament jinsulenta lill-PAC u lill-parlament.

Għalhekk il-PAC għandu jibgħat messaġġ li l-aġir ta’ Konrad Mizzi u inaċċettabbli. Konrad Mizzi kien diżonest mal-PAC u qed jipprova jiddieħak bil-PAC; l-aġir tiegħu hu kompletament deplorevoli, sostna Karol Aquilina. F’dan l-istadju, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ Konard Mizzi.

Id-deputat Laburista Jonathan Attard qabel mal-Whip Laburista Glenn Bedingfield u tkellem kontra l-kundanna lil Konrad Mizzi. Glenn Bedingfield qal li l-Avukat Gianella de Marco, li qed tidher għax-xhud Paul Apap Bologna, qalet lill-kumitat li ma tistax tidher quddiem il-PAC iżda lbieraħ kienet il-qorti.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi qed jirredikola lill-PAC u lid-deputati Laburisti fl-istess kumitat u għalhekk għandu jkun kundannat għall-aġir tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li ma jemminx li Konrad Mizzi kien ippjana l-vjaġġ li qed jgħid li sejjer fuqu.

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-PAC għandu jerġa’ jagħmel talba oħra lil Konrad Mizzi biex jixhed quddiemu.

Glenn Bedingfield ressaq kontro-mozzjoni li fiha qal li l-PAC għandu jerġa’ jitlob lil Konrad Mizzi jitla’ jixhed.

Il-membri tal-Gvern ivvutaw kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u ma kkundannax lil Konrad Mizzi waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni ivvutaw kontra. Il-mozzjoni m’għaddietx.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield ressaq il-mozzjoni tal-Gvern biex Konrad Mizzi jitressaq quddiem il-Kumitat bl-Oppożizzjoni tivvota favur u esiġiet li Konrad Mizzi jitressaq quddiem il-PAC.

Il-kumitat aġġorna għat-3 ta’ Novembru 2021 fis-2pm.