Internazzjonali

Il-kolp ta’ stat fis-Sudan: Protesti kbar fost il-kaos u l-istat ta’ emerġenza

Folol kbar ta’ dimostranti qegħdin iduru fit-toroq tas-Sudan fejn bħalissa teżisti arja kbira ta’ inċertezza wara li l-qawwiet armati wettqu kolp ta’ stat fil-pajjiż.

Il-folol imblukkaw it-toroq fil-kapitali Khartoum u fi bliet oħrajn tal-pajjiż fost l-għajjat biex tirritorna n-normalità u fost it-tixjir tal-bnadar nazzjonali.

Il-komunità internazzjonali, sadanittant, qed issegwi b’ansjetà din il-kriżi fis-Sudan li żbruffat wara li l-Ġeneral tal-Armata Abdel Fattah Burhan – il-protagonista wara l-kolp ta’ stat – iddikjara tmiem għall-amministrazzjoni ċivili f’Khartoum filwaqt li arresta lil diversi mexxejja politiċi.

Intant, Burhan ħabbar stat ta’ emerġenza, b’din is-sitwazzjoni – li qed issir dejjem aktar perikoluża —  tqanqal il-kundanna minn kull rokna tad-dinja..

Dan ukoll wara rapporti li s-suldati Sudaniżi fetħu n-nar fuq id-dimostranti, bir-riżultat li mietu u ndarbu numru ta’ nies.

Min-naħa tiegħu, il-Ġeneral Burhan qed jipprova jiġġustifika l-kolp ta’ stat b’referenzi għall-‘ġlied politiku intern’ f’Khartoum.

Fl-istess ħin, ir-rapporti qed jgħidu li t-truppi Sudaniżi qegħdin iduru minn dar għall-oħra biex jarrestaw lin-nies li organizzaw il-protesti kontra l-Armata.

L-ajruport ta’ Khartoum, intant, baqa’ magħluq u mhumiex qed isiru t-titjiriet internazzjonali lejn dan il-pajjiż Afrikan. Hu minnu wkoll li fis-Sudan, inqatgħu s-servizzi tal-Internet u l-parti kbira tal-linji tat-telefon – bil-ħaddiema tal-Bank Ċentrali joħorġu fuq strajk minħabba s-sitwazzjoni.

Ingħad li t-tobba madwar il-pajjiż qed jirrifjutaw li jaħdmu fl-isptarijiet immexxija mill-militar ħlief għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Il-mexxejja ċivili u l-mexxejja militari fis-Sudan ilhom f’diżgwid qawwi mindu Omar al-Bashir tkeċċa mill-poter, fl-2019, wara snin twal jamministra pajjiżu.

L-Istati Uniti hi fost il-pajjiżi li qed isegwu kontinwament il-kriżi fis-Sudan, bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, isostni li l-azzjonijiet tal-militar Sudaniż huma ‘tradiment tar-rivoluzzjoni paċifika fil-pajjiż’.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti waqqfet l-għajnuna lis-Sudan li hi ekwivalenti għal aktar minn 520 miljun ewro.

Intant – u minkejja l-pressjoni tal-qawwiet Sudaniżi – id-dimostranti fis-Sudan dehru determinati li jkomplu bil-protesti fit-toroq fost l-insistenza li l-pajjiż jirritorna taħt tmexxija ċivili.

Issa, l-Istati Uniti ssieħbet mar-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana biex tinsisti għall-ħelsien tal-mexxejja politiċi li kienu qed jinżammu arrestati f’diversi lokalitajiet mhumiex magħrufa, fis-Sudan. Fost dawn kien hemm il-Prim Ministru Sudaniż, Abdalla Hamdok u martu, flimkien ma’ membri tal-Kabinett Sudaniż u mexxejja ċivili oħra.

Il-ftehim tal-2019 li kien iffirmat bejn il-mexxejja ċivili u militari fis-Sudan kien intiż biex imexxi lill-pajjiż lejn demokrazija — iżda ċ-ċirkustanzi ftit ippermettew għal dan, bil-pajjiż, minn dak iż-żmien, jgħaddi minn diversi kolpi ta’ stat u sitwazzjonijiet diffiċli.

Intant, il-Ġeneral Burhan qed jgħid li s-Sudan xorta waħda għadu impenjat biex. ‘il quddiem, jgħaddi taħt tmexxij ċivili – bl-elezzjonijiet ikunu pjanati għal Lulju tal-2023.