Sal-lum il-Gvern ma implimenta ebda rakkomandazzjoni li saret mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li żammet lill-Istat responsabbli għall-qtil tal-ġurnalista.
Dan kien diskuss f’laqgħa li d-deputat Jason Azzopardi, id-deputat Carm Mifsud Bonnici, Martina Caruana President għar-Riċerka Politika, u l-kandidat Emma Portelli Bonnici, kellhom mal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiddiskutu numru ta’ suġġetti bħas-saltna tad-dritt f’Malta, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, riformi fil-midja, migrazzjoni, ugwaljanza bejn is-sessi u vjolenza domestika.
L-Oppożizzjoni emfasizzat l-impunità li għadu qed irawwem il-Gvern kif jixhdu l-mod ta’ kif qed issir id-difiża soda tiegħu għall-eks Ministru Konrad Mizzi, id-disprezz kontinwu tiegħu għal-libertà tal-midja u r-rwol tagħha għad-demokrazija, u kif qed ikompli jipposponi riformi tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-Kostituzzjoni.
Fil-laqgħa kien deskritt ukoll l-impenn li ħadet l-oppożizzjoni biex issaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’Malta, u l-ħidma estensiva li wettqet biex tavvanza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija. L-Oppożizzjoni saħqet fuq il-ħtieġa urġenti li jkun hemm salvagwardji leġiżlattivi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti minn SLAPP, diskussjoni li l-Gvern ilu jaħrab minnha.
In-nuqqas ta’ checks and balances fil-fibra demokratika ta’ Malta kien emfasizzat ukoll mill-Oppożizzjoni. Dan wassal għal aktar impunità u korruzzjoni istituzzjonalizzata, li wasslu biex Malta titpoġġa fuq il-lista l-griża tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).
//= $special ?>