Ekonomija Lokali

L-effetti tal-greylisting ikomplu joħolqu l-problemi għan-negozji Maltin

Qed ikomplu jidhru b’mod mill-aktar evidenti l-effetti tal-greylisting fuq Malta u n-negozji Maltin. Dan hekk kif issa ġie żvelat li it-trasferimenti bejn il-BOV u l-HSBC qed jesperjenzaw dewmien ta’ ġimgħa sabiex jgħaddu l-flus.

Dawn l-iżviluppi kienu zvelati f’rapport ippubblikat mill-Malta Today… bl-istess gazzetta tgħid li kumpaniji fis-servizzi finanzjarji qed jiġu mitluba li jagħtu dikjarazzjoni lill-banek li huma rreġistrati magħhom li mhumiex jgħaqdu klijenti bbażati f’pajjiżi li jinsabu blacklisted – jiġifieri mill-Iran, Syria, Crimea, North Korea jew Kuba. Din il-miżura daħlet fis-seħħ b’effett immedjat.

Qabel, dan il-proċess kien isir fl-istess ġurnata mill-banek Maltin, bil-klijenti jgħidu li dan id-dewmien ta’ sebat ijiem hu wisq… tant li qed jaffetwahom b’mod negattiv. Madanakollu, il-banek Maltin iridu jiżguraw livell ogħla ta’ skrutinju fuq il-pagamenti li joħorġu.

Mill-mument kif Malta spiċċat fuq il-greylisting tal-FATF, il-proċeduri normali tan-negozji f’pajjiżna kellhom jieħdu proċeduri ġodda, specjalment fejn jidhlu transazzjonijiet kbar ta’ flus kontanti.

Malta kienet tpoġġiet fuq il-greylist tal-FATF lura f’Ġunju li għadda hekk kif instabu nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ tliet aspetti importanti – partikolarment nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. U qabel jiġu indirizzati serjament dawn it-tliet punti, Malta mhux se titneħħa minn din il-lista.

Meta Robert Abela kien ġie mistoqsi fejn wasal il-Gvern Laburista fl-implimentazzjoni ta’ dak li ordnat l-FATF, l-ebda dettalji ma ngħataw u lanqas meta pajjiżna mistenni joħroġ minn din il-lista li tant qed tagħmel ħsara lin-negozji Maltin.