Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq €12,000 fi flus u apparat minn kumpanija tal-ġelati

Raġel ta’ 43 sena miż-Żejtun ma nstabx ħati li fil-lejl ta; bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru 2014 mill-istess lokalità li huwa ġej minnha daħal fl-uffiċini ta’ kumpanija tal-ġelati u minn hemm seraq flus kontanti u appartat elettroniku, li sar reċidiv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. B’kollox Stephen Borg kien qed jiġi akkużat li seraq valur ta’ €12,100.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li li minn ħarsa lejn l-atti proċesswali jirriżulta illi hemm nuqqas serju ta’ provi li gew imressqa mill-pulizija. Il-provi li jirriżultaw mill-proċess bl-ebda mod ma jistgħu jwasslu ghal sejbien ta’ htija tal-imputat.

Il-Qorti qalet li ma hemmx dubju li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipproduċi provi ta’ relevanza; tant hu hekk li lanqas biss ipproduċiet l-aktar żewġ xhieda mportanti għal dan il-każ, Dylan German u lil Daryl Camilleri sabiex jixhdu f’dawn il-proceduri.

Dawn iż-żewg xhieda setgħu jixthu ftit dawl f’dawn il-proċeduri peress li kienu propju huma li semmew lill-imputat u kien minħħabba dak li qalu li l-pulizija arrestat lil Stephen Borg. Apparti minn hekk dak li kkonstata l-Ufficjal Prosekutur ma ġiex ikkorroborat bix-xhieda tas-‘service providers’ u ghalhekk ma giex ikkonfermat in-numru tal-mobile tal-imputat u lanqas il-lokazzjoni tal-imputat dakinhar tas-serqa.

Il-Qorti qalet li minflok il-prosekuzzjoni ressqet xhieda li ma jafux lill-imputat u li qatt ma rawh.  Apparti minn hekk ix-xhud Vasiley Popov qal li meta wasal il-garaxx u sab il-bieb miftuħ kien hemm biss lavrant, u għalhekk ħadd qatt ma ra lill-imputat.

Apparti li ma kien hemm l-ebda xhud li seta’ jorbot l-imputat mad-delitt, il-Qorti innotat li l-impronti digitiali elevati rriżultaw fin-negattiv u lanqas biss kien hemm ‘CCTV footage’. Bħala stat ta’ fatt ma hemmx prova waħda li tallaċċja d-delitt tas-serq ma’ Stephen Borg.

L-Ispettur Saviour Baldacchino qal fix-xhieda tiegħu li kienu marru jirrappurtaw l-għassa tliet impjegati tal-kumpanija misruqa fejn qalu li nsterqu bejn €4,000 u €5,000 fi flus u xi apparat tas-CCTV.

Il-Pulizija li marru fuq il-post innutaw marki fuq l-aluminium tal-istess sit u nnutaw li xi bibien kienu wkoll imkissrin. Irrizulta li l-flus kienu meħuda minn kaxxa li kienet imwaħħla mal-bieb tal-aluminium li jaghti ghall-uffiċini.

Sid il-kumpanija, infurma lill-pulizija li l-ammont li nsteraq ma kienx ta’ €5,00 iżda ta’  €12,000 imma ta’ tnax-il elf ewro. Huwa qal lill-pulizija wkoll li kellu suspett f’ċertu Dylan German.

Aktar is-sid infurmahom li ġie kkuntattjat minn qassis li tah ammont ta’ flus sostanzjali li kienu gew mis-serqa. Qal li kienu bagħtu ghal Dylan German u mill-investigazzjonijiet tagħhom, saru jafu li kien involut ukoll Daryl Camilleri.

Kien ittieħed il-mobile phone ta’ Dylan German u dan kien ikkonferma mal-pulizija li huwa kien involut f’din is-serqa flimkien ma’ Daryl Camilleri. Semma’ wkoll lil Stephen Borg, maghruf bhala ‘il-Mellieħi’.

Dylan German infurmahom li kien ghamel kuntatt bit-telefon mal-imputat fejn hu stess kien ħajjar lill-imputat biex jidħol miegħu f’din is-serqa. Dylan German u Daryl Camilleri tressqu l-Qorti, ikkonfermaw l-istqarrija tagħhom bil-gurament u nghatat sentenza kontrihom.

Żied jgħid li l-pulizija bagħtu ghall-imputat fejn infurmawh b’dak li qalu Daryl Camilleri u Dylan German iżda l-imputat innega dan kollu. Il-pulizija elevat il-mobile tal-imputat u peress li baqa’ jinnega l-involviment tiegħu, kienu rrilaxxawh sakemm isiru aktar investigazzjonijiet. Il-Qorti qalet li l-provi prodotti ma jwasslu għall-ebda konvinċiment li Stephen Borg huwa ħati ta’ dawn ir-reati. Għal Borg deher l-Avukat David Gatt.