Lokali Qorti

Mixli li fera persuna waqt ġlieda u jinżamm arrestat

Raġel ta’ 54 sena minn San Ġwann inżamm ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li ġie mixli li fera ħafif raġel ieħor wara li kien involut fi ġlieda nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta ta’ 11.40pm. Paul Spagnol ġie mixli wkoll li kiser il-bon ordni u paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

L-Ispettur Neil G. Caruana xela’ wkoll lil Spagnol li kiser il-provedimenti tal-liġi, b’sentenza mogħtija fit-2 ta’ Lulju 2020 mill-Qorti tal-Appell Kriminali u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fejn kien ingaħata l-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat ta’ Spagnol, Ishmael Psaila għamel talba għall-pleġġ tal-klijent tiegħu fejn qal li kien l-akkużat li ġie attakkat bi Spagnol jiddeffendi ruħu. L-Ispettur Caruana oġġezzjona għat-talba, peress li kien hemm xhieda li għad iridu jixhdu. L-akkużat kellu wkoll rekord kriminali “sostanzjali”, qal l-ispettur. Barra minn hekk, huwa diġà ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu u kien taħt probation.

Psaila ammetta li l-kondotta kriminali tar-raġel “hija dik li hi” filwaqt li nnota li l-klijent tiegħu kien saħansitra qatta’ xi żmien il-ħabs, iżda qal li l-akkużi li kien qed jiffaċċja llum kienu minuri u li r-raġel seta’ tressaq il-Qorti b’taħrika, mhux b’arrest.

“Din kienet persuna li kellha konverżazzjoni li eskalat xi ftit, ma’ persuna oħra, li l-akkużat sal-lum ma jafx” qal Psaila. L-allegat vittma għandu wkoll jitressaq il-Qorti, b’ċitazzjoni, qal l-avukat, u żied li għalhekk il-kwistjoni potenzjali ta’ tbagħbis tal-evidenza ma tapplikax u jista’ jinħeles fuq garanzija.

Għalkemm kellu rekord kriminali ikkulurit, l-avukat tiegħu qal, “ma nistgħux nistrieħu fuq il-kondotta kriminali tiegħu meta ħarġu l-fatti li kien qed jgħix ħajtu kif suppost kellu meta l-allegat vittma, li l-identità tiegħu għadna ma nafux, attakkah u serqu u spiċċa arrestat.”

Il-pulizija kienet fittxet fil-proprjetà ta’ Spagnol u sabet jack fil-karozza tiegħu, u akkużawh li żammha bħala arma, allega l-avukat. “Ma daqqa t’għajn l-akkużi jidhru ġustifikati, iżda rridu nħaffru ftit aktar.” “Verament kiser il-pleġġ? Ma naqasx milli jiffirma l-ktieb tal-pleġġ jew jipprova jaħrab, din hija persuna li ġiet attakkata.”

Il-Qorti, iżda, wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba r-reati li bihom huwa akkużat, il-karattru u l-kondotta kriminali tiegħu, kif ukoll il-biża’ li jbagħbas l-evidenza. Il-qorti ordnat li l-atti jiġu assenjati skont il-liġi.