Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna fastidju lill-eks sieħba tiegħu

Pensjonant ta’ 65 sena minn Marsaskala inżamm fit-Taqsima Forensika tal-ħabs, f’sezzjoni tal-isptar Monte Carmeli wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li kkaġuna fastidju għal aktar minn darba lill-eks sieħba tiegħu. Dan meta kien qed isegwiha ta’ sikwit bil-moħbi.

Ir-raġel diġa kien mixli fil-passat riċenti bl-istess akkużi u għaldaqstant ġie mixli wkoll li naqas li josserva xi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. Fil-fatt l-Ispettur Sherona Buhagiar qalet li huwa kien ingħata l-pleġġ fit-8 ta’ Ottubru li għadda.

Huwa ġie mixli li wettaq dawn ir-reati fl-Imsida, Ta’ Xbiex, San Ġiljan u f’diversi postijiet oħra li wettaq dan ir-reat mill-għada li ngħata l-l-libertà proviżorja sa nhar it-Tlieta, 19 ta’ Ottubru. Huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara f’karozza, liema ħsara tammonta gġħal anqas minn 250 ewro. L-Avukat Ishmael Psaila qal li huwa ma kienx se jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest u dan għal ġid tal-istess akkużat biex jibqa; jinżamm l-isptar Monte Carmeli.