Lokali

Protesta minn Repubblika mifruxa fuq tliet ijiem

Protesta li se tkun mifruxa fuq 72 siegħa u li fl-għeluq tagħha se titkompla quddiem Kastilja.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet li saret quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, bil-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina jtenni li l-Gvern qed joħroġ għonqu għal Konrad Mizzi biex Robert Abela jibqa’ jipproteġi lill-Prim Ministru ta’ qablu, Joseph Muscat.

Aquilina qal li taħt il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-PM Robert Abela, Konrad Mizzi għadu jgawdi mill-istess impunità li kien igawdi taħt Lawrence Cutajar u taħt Joseph Muscat.

Robert Aquilina tenna li Angelo Gafà mhux jagħmel dak li hu mistħoqq biex iressaq fil-Qorti lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri fuq il-Panama Papers. Għalhekk, reġa’ wassal l-appell biex tassew titwettaq ġustizzja vera f’pajjiżna.