Lokali Qorti

Daqqa ta’ sikkina fil-fwied kienet dik fatali fil-każ tal-Filippina akkużata li qatlet lis-sieħeb tagħha

Il-Filippin Marcelino Montalban Saraza inqatel f’Lulju li għadda f’appartament fil-Mellieħa b’daqqa ta’ sikkina li laqtet il-fwied tiegħu. Huwa ma mietx mill-ewwel iżda żvina bil-il-mod. Sadanittant meta kien diġa’ miet huwa qala’ daqqa ta’ sikkina oħra f’għonqu bil-probabbilità kbira li ntużaw żewġ skieken, waħda li nifditlu sidru u l-oħra f’għonqu. Is-sikkina li nstabet barra jidher li kienet dik fatali filwaqt li dik li nstabet fis-sink tal-kċina ntużat għad-daqqa f’għonqu.

Jekk wieħed iħares lejn ix-xena tar-reat wieħed jieħu l-impressjoni li Marcelino kkommetta suwiċidju imma ma kienx il-każ. Id-daqqa li sofra f’sidra ma seta’ qatt għamilha hu filwaqt li d-daqqa ta’ sikkina f’għonqu lanqas ma seta’ għamilha hu għax kien diġa mejjet meta’ qalagħha.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-espert tal-Qorti, Mario Scerri li huwa speċjalista li kien maħtur mill-Maġistrat Rachel Montebello biex jeżamina lill-vittma, li allegatament inqatel mis-sieħba tiegħu Mayumi Santos Patacsil ta’ 44 sena, wkoll Filippina tinsab akkużata li qatlet lis-sieħeb tagħha ta’ l-istess età fl-appartament tagħhom tal-Mellieħa fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Lulju li għadda.  Il-Filippina qed twieġeb mhux ħatja ta’ omiċidju intenzjonat, iffabbrikat provi u li ħbiet traċċi ta’ reat.

Fil-kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo Dr. Mario Scerri qal li kien mar filgħodu f’appartament fil-Mellieħa u fejn kien hemm kċina fuq in-naħa tal-lemin, raha katavru mgħotti. Tenna kellu leżjoni f’għonqu u li kien hemm demm madwaru.

Qal li fis-sink tal-kċina kien hemm sikkina imċappsa bid-demm u fejn kien hemm il-kadavra u l-bieb tal-veranda, sabu sikkina bil-ponta, li kienet fuq in-naħa ta’ barra. Is-sikkina kienet waħda tawwalija u li tixbaħ lis-sikkina li kienet barra fit-triq taħt il-veranda.

Ix-xhud qal li żgur hu li l-ġerħa f’sidru kienet magħmula b’sikkina, bil-fwied jagħmel id-demm u jispiċċa jitlef ħajtu. “Ma mietx f’daqqa waħda, żgur li ħa ftit tal-ħin biex jiżvina. Dwar l-abbrażjoni l-għonq qal li din ġiet magħmlula minn xi ħadd li kien meta l-vittma kien diġa miet. Jekk tħares lejn il-ġerħa tal-għonq, din kienet tagħti l-impressjoni li kien suwiċidju, imma dan kien każ ta’ ‘post mortem injury’, qal Dr. Scerri.

Fuq mistoqsija tal-Avukat tal-AĠ ix-xhud qal li minbarra dawn iż-żewġ daqqiet maġġuri kien hemm leżjonijiet oħra bħal marki ta’ tbenġil vjola u ta’ kulur ħadrani. Huwa kkonferma li d-daqqiet f’sidru u f’għonqu saru minn xi ħadd ieħor. Tenna wkoll fuq mistoqsija tad-difiża li kieku d-daqqu f’għonqu għamilha l-vittma, kieku sa fejn hemm is-sink kien ikun hemm tiċpis tad-demm, imma d-demm kien konċentrat madwaru biss.

Xehed ukoll id-dentist David Mifsud, li wkoll kien maħtur mill-Maġistrat Rachel Montebello u dan biex jeżamina lill-vittma u lill-akkużata. Tenna li kien mar filgħaxija lisptar Mater Dei biex jara lil Mayumi Santos Patacsil u ħa r-ritratti tax-xedaq tagħha u snienha. Qal li wara eżamina idejha u kellha żewġ marki ta’ gdim, li waħda minnhom kienet fuq il-pala tal-id tax-xellug li saret mill-vittma.

Dr. Mifsud qal li wara eżamina lill-vittma fil-kamra mortwarja u dan kien fid-9 ta’ Lulju, fejn eżaminalu sninu u xedaq ukoll. Tenna ukoll kellu gidma f’dirgħajh ix-xellugija li saru mis-sieħba tiegħu. Qal li l-gidma fuq il-pala tal-id tal-akkużata ġiet ikkawżata mill-vittma.

Xhud tikkonferma li l-akkużata kienet tgħir għas-sieħeb tagħha

Xehdet ukoll Caroline Della Peda, Filippina li kienet tgħix mal-akkużata u l-vittma f’appartament. Hija qalet li Patacsil u Marcelino ma kienux jiġġieldu imma li hi kienet tgħir għalih ħafna u kienet takkużaha li kienet f’relazzjoni miegħu. Sa anke darba għamlet ‘cake’ għal ‘front liner’ u bdiet tgħidilha li kienet għamlitu għal Marcelino.

Ix-xhud qalet li hija flimkien ma’ żewġha damet tgħix magħhom minn Lulju u Novembru tal-2020. Qalet li fl-ewwel xahar l-affarijiet deheru ok imma f’Awwissu, Patacsil bdiet tibgħatilha l-messaġġi meta kienet tkun xogħol u tgħidilha li trid teħdilha lis-sieħeb tagħha. Della Peda qalet li dan mhuwa veru xejn għax hija kuntenta fiż-żwieġ tagħha.

Kienet tgħidilha kemm il-darba li m’għandhiex għalfejn tinkwieta, madankollu xorta kienet iċemplilha fuq numri differenti u bdiet iddejjaqha. Saħansitra kienet ma kienet tgħidilha fuq meta tidħol fix-shower u ma tilbes xejn minħabba Marcelino.

Qalet li hija ddeċidiet li tgħid lis-sid il-post li ma setgħetx tibqa’ tgħix magħha u anke ddeċidiet li tagħmel rapport lill-Pulizija li minn naħa tagħhom m’għamlu xejn għaliex qalu li dan ma kienx theddid. Dwar il-vittma qalet li dan kien ikun xogħol u meta jasal kien isajjar u jaħsel u jistenna lill-akkużata tasal mix-xogħol.

Ix-xhud qalet li hija kienet għamlet rapport lill-Pulizija fil-15 Diċembru tal-2020 u ippreżentat id-dokument lill-Qorti dwar ir-rapport li għamlet.. Ir-rapport jgħid dwar pressjoni li kienet isir fuqha jekk kinitx qed tkun ma’ Marcelino. Qalet li dan kollu kkażawlha stress kbir anke peress li dak iż-żmien missierha kien marid.

L-Ispettur Shawn Pawney mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono, Ryan Ellul u Tiziana Micallef kienu l-avukati difensuri. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn, 6 ta’ Diċembru fin-12.30pm.