Lokali

Edward Zammit Lewis għandu jirriżenja jew jitneħħa mill-Prim Ministru – PN

Ritratt: Martin Agius

L-Oppożizzjoni b’mozzjoni simbolika biex il-paga tal-Ministru titnaqqas għal €1

Minkejja li għaddew aktar 3 xhur minn meta ġie żvelat li l-Ministru Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa u jiddieħak ma’ Yorgen Fenech, sallum huwa baqa’ rriżenjax minn jeddu u l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma keċċiehx minn Ministru.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li Edward Zammit Lewis inqabad jikkomunika ma’ Yorgen Fenech dwar l-investigazzjoni li ntalbet dwar il-kumpanija 17 Black imwaqqfa f’Dubaj u dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif Edward Zammit Lewis huwa persuna viċin ħafna ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black u li llum-il ġurnata jinsab akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-komunikazzjoni li kellu ma’ Yorgen Fenech, il-Ministru Edward Zammit Lewis iddeskriva lill-votanti Laburisti bħala “ġaħan” u lil sħabu l-Ministri bħala “tfal u pożi”. Fl-istess waqt Edward Zammit Lewis iddeskriva lill-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil bħala “theddida għas-saltna tad-dritt” u fittex l-appoġġ u l-approvazzjoni ta’ Yorgen Fenech għall-aġir tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jinsisti li l-mozzjoni ta’ sfiduċja li l-Oppożizzjoni ppreżentata f’Awwissu li għadda tiġi diskussa llum qabel għada fil-Parlament. Pajjiżna ma jixraqlux li l-kariga ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza tkun okkupata minn Edward Zammit Lewis li assoċja ruħu ma’ individwi bħal Yorgen Fenech u pparteċipa b’mod attiv fil-ħolqien u t-tħaddim ta’ kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Għalhekk b’konsistenza llum l-Oppożizzjoni ppreżenta mozzjoni biex b’mod simboliku il-paga tal-Ministru Edward Zammit Lewis tonqos għal €1 biss.

Fil-każ tal-Ministri l-oħra kollha l-Oppożizzjoni kienet u ser tibqa’ titlob li l-paga tagħhom tonqos b’€1 fis-sena waqt li l-Parlament ikun qed jiddiskuti l-budget għas-sena li ġejja.