Lokali Parlament

Id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jinkisru meta s-soċjetà ma tipprovdix is-servizzi essenzjali

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara sostniet fil-parlament li kull sena li s-soċjetà Maltija tfalli milli tipprovdi s-servizzi essenzjali lill-persuni b’diżabilità, tkun sena li matulha tkun ċaħdithom mid-drittijiet fundamentali tagħhom bħala bnedmin.

Hu xieraq li l-għajnuniet jiżdiedu ma kull baġit biex jagħmlu tajjeb għall-għoli tal-ħajja li fis-sena 2020 għoliet b’medja ta’ 2.6 %.Sena wara l-oħra dawn iż-żidied qatt m’huma biżżejjed biex ilaħħqu mal-bżonnijiet dejjem jikbru ta’ persuni b’diżabilità. Hu important li kemm l-Istat kif ukoll s-soċjetà jipprovdu dawk is-servizzi kollha neċessarji u f’waqthom li dawn il-persuni u jwassluhom bil-frekwenza meħtieġa u neċessarja.

Essenzjali li dawn l-individwi jiġu identifikati mill-iċken etajiet għaliex is-suċċess tal-kura jiddependi direttament minn kemm din l-għajnuna tingħata minn kmieni.

Biex dan jintlaħaq hemm bżonn ta’ ħafna iżjed professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur speċjalment fis-settur pubbliku. Inutli li hemm ic-CDAU u mbagħad minħabba n-nuqqas ta’ staff persuna b’diżabilità trid tistenna xhur sħaħ qabel ma tiġi eżaminata u assesjata.

Wara dan id-dewmien issib li trid terġa’ tistenna fit-tul biex tibda tattendi għas-servizzi bħal l-OT, Speech Therapy u Fisjotherapja fost oħrajn.

Skond ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali, persuni b’diżabilità għandhom jingħataw kull għajnuna regolarment u b’ċertu frekwenza biex jiksbu u jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Il-professjonisti li jmexxu dan is-settur, minkejja ċertu nuqqasijiet, jagħtu xogħol impekkabbli. Meta tiftakar li neqsin mir-risorsi sew umani kif ukoll ta’ apparat, dawn jagħmlu l-mirakli.

Sakemm ma jkollniex in-numru adekwat ta’ professjonisti fil-livelli kollha, is-servizzi se jibqa’ limitat u ma nistgħu qatt nilħqu il-miri stabbiliti internazzjonalment.

Dan qed iwassal biex numru ta’ ġenituri, almenu dawk li jistgħu, qed ikollhom jirrikorru għal dawn is-servizzi fil-privat bi spiża konsiderevoli mid-dħul tagħhom. Dan qed joħloq diskriminazjoni kontra dawk il-familji li minkejja li bħalhom jixtiequ l-aħjar għall-uliedhom neqsin mill-mezzi finanzjarji. Ulied dawn il-familji ma għandhomx l-opportunita’ jimxu l-quddiem daqs sħabhom.

Dawk l-ġenituri li qed ikunu imġgħela jirrikorru għal dawn is-servizzi essenzjali fil-privat jixirqilhom jiġu ikkumpensati finanzjarjament.

Għalhekk bi pjaċir ilqajna l-proposta f’dan il-baġit li mit-twelied sal-età ta’ ħames snin dawk kollha li jeħtieġu l-OT se jibdew jirċievu vouchers biex jintużaw għall-ħlas ta’ dawn is-servizzi fil-privat.

Ħafna drabi l-OT tinħtieġ li jibqa’ għaddejja għal ferm aktar fit-tul minn ħames snin. Kien ikun għalhekk aktar f’waqqtu li dawn il-vouchers jibqgħu jingħataw aktar fit-tul biex dawk li jinħtieġuhom wara li jagħlqu l-ħames snin ma jiġux diskriminati.

Tajjeb ukoll li dan il-baġit żied l-allowance għal tfal b’diżabilità b’€5 fil-ġimgħa biex issa jibdew jirċievu €130 fix-xahar. Kull żieda hija tajba anke jekk nafu li dawk li jixtru dawn is-servizzi fil-privat jonfqu medja ta’ madwar €160 fil-ġimgħa.

Hi appellat lill-gvern biex jibqa’ jwieżen lil dawn il-familji ħalli jleħqu mal-ispejjeż, aktar u aktar meta jaf li fil-preżent il-gvern ma jistax jipprovdihom bil-frekwenza meħtieġa fis-settur pubbliku. B’dispjaċir l-Oppożizzjoni tinnota li dan il-baġit għal darba oħra ma ħabbar l-ebda inċentiv jew inizjattiva biex iħajjar aktar żgħażagħ lejn dawn il-professjonijiet u allura jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas.

L-Oppożizzjoni, għaliex konxja mit-tbatija ta’ dawn il-familji, b’responsabiltà qed twiegħed li meta fil-gvern ser żżid l-istipendji ta’ dawk l-istudenti li jidħlu għall-caring professions b’ 25 %.

Hija miżura pożittiva ukoll iż-żieda mħabbra tal-għotja għal carer ta’ persuna b’diżabilità severa. Min-naħa l-oħra nifhem li din hija biss qatra f’oċejan meta tqabbilha mal-ispejjeż kbar li għandhom dawk il-familji li għandhom wild b’diżabilità severa.

L-għotja ta’ dan l-ammont turi kemm min ikun qed jaħdem fuq il-baġit huwa maqtugħ għal kollox mir-realtà tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-familji. Ma jafx fil-verità u lanqas ma għandu idea ta’ l-ispejjeż kbar li dawn il-familji għandhom biex iżommu persuna b’diżabilità severa fi djarhom.

Minn din il-miżura se jibbenefikaw madwar 450 ġenitur. F’pajjiż fejn niftaħru kemm għandna poplu ħanin mal-barrani, fejn għandna ekonomija b’saħħitha u kemm huma għal qalbna il-persuni vulnerabbli bir-raġun konna nistennew li din l-għotja tkun aktar qawwija.

Tajjeb li tħabbar li meta persuna tirċievi l-penzjoni tal-invalidità u tgħix mal-ġenituri, u tapplika għall-għajnuna medika, ser tibda titqies bħala persuna indipendenti. Din l-għajnuna se tibda tingħata lill persuna innifisha biex tħossha aktar independenti. Fl-istess ħin ser tnaqqas lil-piż li l-invalidita’ tkun qed tikkawża fuq il-familjari.

Żgur li l-maġġoranza tal-poplu Malti qed issir dejjem aktar konxju tal-inċidenza tal-awtismu dejjem tiela’ f’pajjiżna. Kien għalhekk li għal dawn l-aħħar erbgħa snin tkellimt kemm il-darba f’din il-Kamra dwar il-bżonn urġenti li l-iskejjel u kull fejn tingħata l-edukazzjoni għandna nsibu kamra apposta għal tfal li għandhom l-awtismu. Dawn l-Autism Units jipprovdu ambjent ideali fejn tfal bl-awtiżmu jkunu jistgħu jirrilaxxaw u jqattgħu ftit ħin fil-kwiet.

Fil-preżent wara li t-tfal b’diżabilità jispiċċaw l-iskola sekondarja ma għandhom imkien fejn imorru biex ikomplu edukazzjoni post sekondarja.

Hi espremiet tama li l-Community Hub tat-tramuntana għal persuni b’diżabilità, li ilha tiġi imwegħda għal snin twal, tibda tinbena. Persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, bħall-bqija tal-poplu Malti, mistennija li jsofru minn mard mentali jew stress.

Għalhekk nuqqas ieħor li jispikka f’dan il-baġit hu in-nixfa ta’ ippjanar serju ta’ kif se nindirizzaw din il-problema li mistennija taffettwa wieħed minn kull erba’ minna. Sfortunatament numru ta’ wegħdiet li tħabbru fil-baġit tas-sena l-oħra biex nilqgħu għal din l-isfida ma twieldu qatt.