Internazzjonali

Il-Brażil: Favur li l-President Bolsonaro iwieġeb ‘għal reati’ waqt l-eqqel tal-pandemija

Il-President Jair Bolsonaro

Is-senaturi fil-Brażil ivvutaw biex jirrakkmandaw li jitressqu l-akkużi fil-konfront tal-President Brażiljan Jair Bolsonaro għall-mod kif hu mexxa lill-poplu fost il-pandemija devastanti tal-Covid-19.

Il-membri ta’ panel tas-Senat Brażiljan appoġġjaw rapport li jesiġi l-akkużi kontra Bolsonaro – fosthom l-akkuża dwar reati kontra l-umanità.

Dan meta fil-Brażil mietu 600,000 mill-Covid-19 li hi t-tieni l-akbar ċifra ta’ vittmi ( fid-dinja) wara dik tal-Istati Uniti.

Ir-rapport irid ikun ukoll studjat mill-Kap Prosekutur tal-Brażil, Augusto Aras – li kien ingħata l-kariga minn Bolsonaro innifsu.

Dan meta l-vot tas-senaturi kkonkluda investigazzjoni ta’ sitt xhur li enfasizzat l-iskandli u l-korruzzjoni fi ħdan il-Gvern Brażiljan.

Filwaqt li l-President Brażiljan qed jiċħad għal kwalunkwe ħtija, il-kriżi dovuta għall-pandemija u l-mod kif aġixxa l-Gvern Brażiljan jidhru li naqqsulu sew mill-popolarità.

Madankollu, mhemm l-ebda garanzija li l-vot tas-senaturi għandha twassal ‘bilfors’ għall-konferma tar-reati kriminali fil-konfront ta’ Bolsonaro – u meta mistenni li  Augusto Aras, għandu ‘jipproteġi lill-President Brażiljan’.

Ir-rapport allega li l-Gvern ta’ Bolsonaro ippermetta l-firxa tal-Covid-19 fil-Brażil bit-tama li l-inċidenza tal-mard twassal għal sitwazzjoni ta’ reżistenza kollettiva – jew herd immunity.

L-istess rapport ifisser lill-President Brażiljan bħala ‘il-persuna prinċipali li kien responsababli mill-iżbalji tal-Gvern federali ( fil-Brażil) waqt il-pandemija’.

Min-naħa tiegħu, is-Senatur Renan Calheiros, l-awtur prinċipali tar-rapport, sejjaħ biex ir-rakkmandazzjoni tal-panel ‘bil-għan li Bolsonaro jispiċċa akkużat dwar reati kontra l-bniedem’ ikun sottomess lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Iżda pass bħal dan – jekk isir – ikun biss il-bidu ta’ proċess fit-tul ħafna u trid tkun din il-Qorti Internazzjonali li tiddetermina l-merti tal-każ u jekk tipproċedix matul ix-xhur li ġejjn.

Il-kumitat tas-Senat Brażiljan anki rakkmanda li jitressqu tmien akkużi oħra kontra Bolsonaro fil-qrati tal-Brażil. Dawn jinkludu l-inċitament għal aġir kriminali, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti u abbuż tad-drittijiet soċjali.

Il-President Bolsonaro, sadanittant, hu akkużat ukoll dwar l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u b’li iċċirkola aħbarijiet qarrieqa b’konnessjoni mal-pandemija.