Lokali Parlament

Il-Gvern ikompli joħroġ għonqu għall-kriminali flok ma’ jkun ta’ sostenn għall-Forzi tal-Ordni f’pajjiżna

  • Beppe Fenech Adami, Deputat Nazzjonalista

Beppe Fenech Adami, Deputat Nazzjonalista, beda biex qal li l-pajjiż riesaq lejn tmiem ta’ sena dominata mill-front liners li servew b’tant impenn, iżda front liners daqstant ieħor importanti kienu dawk kollha li jaħdmu fil-Korp tal-Pulizija, fil-Ħabs, fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fil-Forzi Armati ta’ Malta, fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u fil-Korpi l-oħrajn ta’ Dixxiplina.

Il-Gvern f’dan il-Baġit nesa’ lil dawn il-persuni li jaħdmu fil-Korpi ta’ Dixxiplini u ma għamel l-ebda miżura biex dawn il-forzi jilħqu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

La jissemmew il-Pulizija, la jissemmew il-Gwardjani u anqas ma jissemmew is-Suldati li flimkien għamlu tant sagrifiċċji matul is-sena li għaddiet.

Beppe Fenech Adami sellem lil dawk kollha li jaħdmu fil-Korp tal-Pulizija, fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni, fil-Ħabs ta’ Kordin u fl-Armata Maltija u qal li kulħadd għandu japprezza x-xogħol kbir li dawn il-persuni qed iwettqu f’pajjiżna.

Dwar il-Pulizija Beppe Fenech Adami qal li llum għandna Korp tal-Pulizija li hu demoralizzat u li qed jitlef l-aqwa elementi. Illum il-Korp tal-Pulizija hu nieqes mir-riżorsi umani li għandu bżonn. Fl-2002 spiċċaw mill-Korp tal-Pulzia mal-105 membru u fl-2021 spiċċaw 206 membru. Telqu għadd ġmielu wkoll minn dawk li jissejħu Pulizija tar-Riserva. Dan barra mill-fatt li għadd ġmielu ieħor ta’ membri talbu li joħorġu bil-leave fit-tul, filwaqt li għadd ieħor ta’ membri telqu mill-Korp qabel għalqu l-25 sena servizz. X’qed jiġri fil-Korp tal-Pulizija?

Is-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija hi tat-tħassib anki meta wieħed jara kemm irriżenjaw Deputati Kummissarji, Assistenti Kummissarji, Supretendenti u Spetturi.

Ir-raġuni ovvja għal din is-sitwazzjoni hi li għal tmien snin sħaħ kellna Korp tal-Pulizija li flok ma kien fuq in-naħa taċ-ċittadin onest kien fuq in-naħa ta’ kriminali li għandna fil-pajjiż. Fost l-oħrajn kellna bħala Kummissarju tal-Pulizija lil Lawrence Cutajar li nqabad fil-fatt jikkonfoffa ma’ persuni involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-istorja ta’ Silvio Valletta, li kien Assistent Kummissarju tal-Pulizija, ukoll kien f’konfoffa ma’ nies li suppost kien qiegħed jinvestiga iżda fil-verità ma jinvestiga xejn.

Anki l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li wkoll kien f’konfoffa m’’ ċerti persuni li suppost kienu investigati iżda li fil-verità ma kienu qed ikunu investigati xejn. Tal-mistħija.

Issa qed insegwu l-farsa tal-mistħija ‘Konrad Mizzi’ li għadu qed jingħata l-protezzjoni sal-punt li jiġi jaqa’ u jqum mill-Parlament u mill-elettorat Malti. Dan wettaq reati kriminali iżda n-naħa tal-Gvern tibqa’ tiddefendi lil dan il-kriminal li l-aġir tiegħu għandu jkun ikkundannat.

Il-Gvern m’hux kapaċi jqum u jgħid li ż-żmien tal-impunità issa spiċċa.

Beppe Fenech Adami qal li l-PN fil-Gvern se jassigura li l-impunità tispiċċa darba għal dejjem u nies bħal Konrad Mizzi ma jibqgħu jiġġerrew barra.

Il-Pulizija huma demoralizzati għaliex fil-Korp tal-Pulizija għad hemm l-indħil politiku bl-aktar mod sfaċċat u jafu li ma humiex jitħallew jaħdmu b’mod liberu.

Saħansitra anki l-Ombudsman ikkritika bil-qawwi ħafna l-mod kif il-Gvern mexxa u ndaħal fil-Korp tal-Pulizija… fosthom kif il-promozzjonijiet kienu jingħataw lil dawk biss li jafda. Lawrence Cutajar għad irid iwieġeb għal ċerti ħniżrijiet li saru fil-Korp tal-Pulizija fi żmienu u ċaħħad Pulizija serji milli jingħataw il-promozzjonijiet li kien ħaqqhom. Iżda mbagħad imbotta nies li ma redux joqogħdu mar-regolamenti tal-Korp tal-Pulizija. Kemm inħolqu inġustizzji fil-Korp tal-Pulizija u dan hu tal-mistħija.

Il-PN se jassigura li ssir ġustizzja ma’ kull min sofra l-inġustizzji fil-Korp tal-Pulizija u jieħu dak kollu li jkun ħaqqu.

Dan hu Gvern li qed ċaħħad lill-Pulizija mill-extra duties u mis-sahra tagħhom bir-riżultat li llum għandna sitwazzjoni llum il-Pulizija qed jaqilgħu ħafna inqas flus milli kienu jaqilgħu qabel.

Illum għandna Korp tal-Pulizija nieqes minn ħafna elementi bir-riżultat li għandna Għases tal-Pulizija magħluqa jew li ma humiex jiffunzjonaw sew. L-istess għall-fergħat fil-Korp tal-Pulizija li ma jistgħu jaħdmu kif jixtiequ. Għaliex dan kollu?

Hi ħasra li fil-pajjiż hawn din is-sitwazzjoni ta’ Għases tal-Pulizija magħluqa u bir-raġun kollu li tiżdied il-kriminalità. Hu qal li fil-pajjiż qed jiżdied is-serq kuljum u prattikament f’kull lokalità u għalhekk il-PN qiegħed iwiegħed li mal-Korp m’hux se jkun hemm tixħiħ, iżda stima u bidliet biex il-Korp tal-Pulizija jkun pass quddiem il-kriminalità.

Il-PN irid jibni fuq dak li hu tajjeb, iżda jrid ibiddel dak li sar b’mod ħażin. Il-messaġġ tal-PN lill-Unions tal-Pulizija hu li flimkien għandna naħdmu għall-ġid tal-Korp tal-Pulizija.

Il-PN jinkoraġġixxi lill-Pulizija biex ikomplu jistudjaw u jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom. Il-PN irid jara ħafna aktar nisa fil-Korp tal-Pulizija.

Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar il-Ħabs u staqsa lill-Ministru konċernat biex jieħu l-passi kollha li hemm bżonn biex l-affarijiet jinbidlu minnufih għaliex hemm wisq nies li qed ibatu, fosthom il-Gwardjani u l-Uffiċjali tal-Ħabs, iżda wkoll priġunieri li qed ikunu trattati b’mod mill-aktar ħażin.

Hu qal li l-Ministru għandu jifhem li s-sitwazzjoni fil-Ħabs m’għadhiex aktar aċċettabbli. Fl-aħħar sena wisq priġunieri li ħarġu mejta bl-aktar mod kapriċċjuż.

F’perjodu ta’ ftit aktar minn sentejn mill-Ħabs inħarġu 13-il persuna mejta. Għaliex? Il-Ministru tal-Intern jaf li l-affarijiet fil-Ħabs ma humiex sejrin sew, iżda minkejja kollox jibqa’ ma jagħmel xejn. Għaliex?

Il-Ministru tal-Intern irid jifhem li fil-Ħabs hemm bżonn li nabbandunaw il-kultura tal-moħqrija. Dan hu post sensittiv li għandu jkun makna ta’ mħabba u mhux nisimgħu bi stejjer bħal dik tas-siġġu tal-kastig. Dawn huma affarijiet tal-mistħija.

Id-Direttur tal-Ħabs idur b’arma tan-nar fil-binja tal-Ħabs u biex jispara lill-ħamiem. Dawn huma affarijiet serji ħafna iżda issa għandna Direttur tal-Ħabs li qed jirrikorri għal-libelli u jiftaħ il-libelli kontra l-ġurnalisti… tassew li dawn huma nies li ma jridux jitgħallmu?

Beppe Fenech Adami qal li fil-Ħabs hawn sitwazzjoni serja ta’ affullament.

Il-PN jemmen fil-Gwardjani u l-Uffiċjali tal-Ħabs u l-wiegħda hi li l-Ħabs jinbidel minn kif inhu bħalissa għaliex kif inhi s-sitwazzjoni llum juri biss li dan pajjiżna ma hux wieħed normali.

Hu qal li nofs il-priġunieri fil-Ħabs ta’ Kordin huma barranin. Il-Gvern imissu li ilu li pprova jirranġa biex dawn il-priġunieri jintbagħtu lura f’pajjiżhom u jissoktaw iservu s-sentenza tagħhom f’pajjiżhom.

Filwaqt li qal li l-Gvern ma hux iħaddem is-sistema tal-parole, qal li anki fil-konfront tal-priġunieri bi problema ta’ droga l-affarijiet mhux qed isiru kif mixtieq u mistenni.

Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar l-Armata u sellem lis-Suldati u qal li l-messaġġ tal-PN hu wieħed ta’ apprezzament u kuraġġ. Fl-Armata wkoll hemm nies li huma demoralizzati għaliex sofrew minn inġustizzji kbar, fosthom għaliex inqabżu fil-promozzjonijiet.

Il-PN jemmen li pajjiżna għandu jkollu Armata b’saħħitha fejn kulħadd ikun rispettat biex jimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħu. Il-PN jagħmel l-investimenti li għandha bżonn l-Armata, fosthom ukoll fil-Bażi li hemm f’Għawdex biex l-Għawdxin kemm jista’ jkun jibqgħu jservu f’Għawdex.

Beppe Fenech Adami sellem ukoll lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u qal li anki dawn il-ħaddiema qed jagħmlu xogħol mill-aktar importanti u kruċjali f’pajjiżna.

Tkellem dwar l-immigrazzjoni illegali u appella li anki hawnhekk qed nitkellmu dwar persuni umani u l-Gvern m’għandux jiftaħar biċ-ċifri iżda mbagħad ma jkunx trasparenti fix-xogħol li qed isir biex immigranti jintagħbu lura f’pajjiżu. Għaliex dan il-ħabi?

Beppe Fenech Adami temm jappella lil dawk kollha li jservu f’xi Forza Dixxiplinata biex ma jħalluh lill-Partit Laburista jbeżżahom u biex ma jħallux lil min iqarraq bihom. Il-PN fil-Gvern ma jħarisx lejn l-uċuħ u kif għamel dejjem fil-passat jerġa’ jagħti d-dinjità lil dawn il-Forzi ta’ Dixxiplina f’pajjiżna.