Lokali Parlament

Il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed ikun kompliċi fil-politika ta’ impunità u dan hu ta’ periklu kbir għal pajjiżna

  • Jason Azzopardi, Deputat Nazzjonalista

Jason Azzopardi, Deputat Nazzjonalista, beda biex qal li dak kollu li qed jiġri fl-Intern qed ikollu effett fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fost il-barranin. Dan hu Ministeru importanti biex pajjiżna jibgħat messaġġ tajjeb għal pajjiżna iżda mhux qed hekk qiegħed ikun.

Diġà hemm min qiegħed jgħid li l-Gvern ma hux jindirizza bis-serjetà l-kwistjoni tal-Grey Listing u issa għandna lis-settur jgħid li kemm-il darba s-sitwazzjoni ta’ Malta tibqa’ fil-lista l-griża allura kumpaniji fl-igaming jistgħu jibdew jaħsbu biex jitilqu minn pajjiżna.

Hu staqsa għaliex l-istituzzjonijiet ma tħallewx jaħdmu kif mixtieq u mistenni biex il-kriminali li hawn jiġru mas-saqajn ikunu indirizzati biex isem pajjiżna jibqa’ nadif.

Tkellem dwar il-programm ta’ residenza u qal li l-PN hu favur tali programm, iżda x’qed jiġri f’dan is-settur. In-nies involuti fil-kirjiet għandhom kull dritt li jkunu jafu x’qed jiġri wara li ftit tal-ġimgħat ilu

l-Kummissjoni Ewropea iddikjarat li bdiet proċeduri legali kontra Malta.

Il-Gvern għandu jiċċara l-affarijiet bies iserraħ ras kulħadd. Il-Gvern irid jifhem li dan hu qasam effettwat fil-laħam il-ħaj minħabba l-Grey Listing.

Jason Azzopardi kompla li mid-9 ta’ Ġunju sa llum il-Gvern informa lill-pubbliku jew lill-Parlament li dan hu każ magħluq u solvut. Allura l-Gvern għandu l-obbligu li jiċċara minnfih is-sitwazzjoni għaliex il-Kummissjoni Ewropea qed thedded bi proċedura legali li iżda se tkun teffettwa lil ħafna nies.

Jason Azzopardi qal li l-Ministeru tal-Intern għandu rabta kbira mar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Kemm hu ta’ għajb li l-Gvern ikompli jippersisti fil-protezzjoni lil dawk li ma ħaqqhom il-protezzjoni għaliex ixxaħħmu mill-fondi pubbliċi.

Hu qal li sa f’dawn il-jiem stess intbagħtu żewġ messaġġi mill-aktar żbaljati u li jaffettwaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. L-ewwel kien hemm il-każ ta’ kif id-delegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li hi parti minn Kumitat ta’ Monitoraġġ u li f’dawn il-jiem kienet Malta, kellha laqgħa mal-Ministru tal-Ġustizzja iżda flok ma ltaqgħet mal-Ministru tal-Ġustizzja spiċċat jiltaqgħet mas-Segretarja tal-Ministru! Kif il-Gvern jista’ jdardar l-għajn li minnha jrid jixrob? Dawn x’affarijiet huma?

It-tieni każ kien dak ta’ dawn il-jiem ukoll meta għal darba oħra l-Membri tal-Gvern ma kellhomx il-kuraġġ li jikkundannaw l-aġir ta’ Konrad Mizzi għal dak li għamel u li qed jissokta jagħmel. Hu proprju minħabba fih, fost l-oħrajn, għaliex pajjiżna spiċċa fil-lista l-griża u wkoll għaliex il-Gvern baqa’ jiddefendih sal-ġurnata tal-lum.

Jason Azzopardi wissa’ li ħafna familji għandhom il-problema tal-għoli tal-ħajja iżda l-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum minn dawn in-nies, inkluż mill-anzjani li ma jistgħux jixtru ċerti prodotti ta’ ħaxix.

Hawn problema serja wkoll ta’ anzjani li ma jifilħux jixtru ċerti tipi ta’ mediċina għaliex m’għandhomx id-dħul li jista’ jpaċi l-ħruġ li għandhom.

Dan kollu wkoll hu marbut maċ-ċirku tal-impunità li mbagħad iwassal għal diversi konsegwenzi.

Jason Azzopardi wissa li għandu jkun hemm messaġġ ta’ daqshekk impunità għal Konrad Mizzi u Angelo Gafà x’qed jagħmel tassew? Għaliex hu parti wkoll mill-impunità li hawn fil-pajjiż?