Internazzjonali

Il-Moldova: Il-Gvern tar-Russja jiċħad li qed jhedded u jintimida lill-ġar fil-kwistjoni dwar il-gass

Ir-Russja ċaħdet li qed tuża l-provvisti tal-enerġija li qed tipproduċi bħala arma politika wara li l-Moldova, fil-bidu tal-ġimgħa u għall-ewwel darba, xtrat il-gass mingħand sors  differenti mill-kumpanija Russa Gazprom.

U filwaqt li l-Moldova qed tiffaċċja kriżi tal-gass, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Nicu Popescu qed jipprova jippreżenta stampa ferm aktar pożittiva tas-sitwazzjoni.

Popescu qal li l-Moldova, fil-fatt, ‘kitbet paġna ġdid fl-istorja bix-xiri tal-gass mingħand ħaddieħor aktar mill-Gazprom’.

Il-kunsinna tal-gass mill-PGNiG tal-Polonja kienet ta’ miljun metri kubi, iżda l-Moldova żgur li se teħtieġ volumi tal-gass ferm akbar jekk il-kumpanija Gazprom tasal biex twaqqaf il-gass għal dan il-pajjiż bħalma qed thedded li tagħmel.

S’issa, mal-100 fil-mija tal-gass tal-Moldova waslitilha mingħand ir-Russja u meta l-kuntratt għall-provvista laħaq skada fl-aħħar ta’ Settembru.

Intant, il-Gazprom kienet żiedet il-prezz ta’ dan ir-riżors u l-Moldova rrifjutat ‘il-prezz ġdid ikkwotat’.

Fl-istess ħin, il-kumpanija Russa għall-enerġija – fin-nuqqas ta’ ftehim ġdid – naqqset il-provvisti lill-Moldova, b’dan il-pajjiż jiddikjara stat ta’ emerġenza għal tletin jum.

Il-kriżi fir-relazzjonijiet, intant, qed tkompli, bil-kelliema għal Gazprom jakkużaw lill-Moldova ‘b’li qed tipprovoka kriżi’. Fl-istess ħin, il-Gazprom qed tinsisti li titħallas lura djun ekwivalenti għal 520 miljun ewro – bil-Moldova qed tikkuntesta din is-somma.

Sadanittant, in-negozjati għadhom għaddejjin, bl-uffiċjal ta’ Moldova qed jgħidu li huma lesti biex jiffirmaw kuntratt ġdid mal-Gazprom ‘dment li l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli’.

Madankollu wieħed irid jara x’alternattivi għandha l-Moldova – li hi fost l-ifqar pajjiżi tal-Ewropa – f’każ li ma tasalx għal ftehim ma’ Moska.

Mhux se tkun faċli għall-Moldova li tnaqqas l-influwenza diretta ta’ Moska meta dan il-pajjiż għandu rabtiet sodi wisq mar-Russja fl-aspetti li jirrigwardaw il-provvista tal-enerġija.

Min-naħa tiegħu, il-President Russu Vladimir Putin warrab għall-akkużi li r-Russja qed tuża l-issue tal-enerġija biex tintimida lill-Moldova bħala ‘gideb sfaċċat u li huma motivati mill-aġenda ulterjuri ta’ uħud’.