Kull rappreżentant fil-Parlament, minbarra li jrid josserva l-liġi, għandu l-obbligu li jonora t-titlu ta’ onorabbli.
Kien b’dan il-mod illi fetaħ id-diskors tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech l-Erbgħa waranofsinhar fil-Parlament fejn saħaq li l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna u l-pajjiż jixraqilha ferm aħjar mill-Ministru tal-Governanaza tajba li għandna llum, b’referenza għal Edward Zammit Lewis.
Dan, qal Bernard Grech, żgur li mhux aġir ta’ governanza tajba. Waqt li fakkar kif il-membri tal-Gvern qed jinsistu li jibqgħu jiddefendu l-indifensibbli
Bernard Grech qal li d-deputati tal-Gvern qed jonqsu lill-poplu fil-ferneżija biex jibqgħu jiddefendu l-interessi personali tagħhom, u baqgħu jiddefendu l-aktar proġetti skandalużi li qatt ra pajjiżna.
Bernard Grech qal li minbarra dan, Edward Zammit Lewis suppost li qed jiddefendi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jiġu bżonn is-servizzi tal-Ġustizzja ta’ pajjiżna, imma anke hawn, il-Ministru responsabbli qed ifalli.
Semma’ wkoll il-fatt li l-proċeduri fil-Qrati tagħna, idumu tmien darbiet aktar minn dik li hi l-medja fl-UE.
Sitwazzjoni li la hi aċċettabbli għaċ-ċittadin u lanqas għall-ġudikatura u l-ħaddiema tal-Qorti.
Bernard Grech qal li l-membri tal-Gvern, filwaqt li qed iħallu lin-nies ibatu, jibqgħu joħorġu għonqhom għal Konrad Mizzi u jħalluh jiddisprezza lill-poplu Malti kollu.
Huwa staqsa jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux liberu li jieħu l-passi meħtieġa.
Bernard Grech qal li huwa jippretendi li l-kummissarju jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa llum qabel għada filwaqt li baqa’ jinsisti li l-Gvern isib il-kuraġġ li jikkundanna lill-eks Ministru Konrad Mizzi għal dak li għamel f’isem il-Gvern fis-snin li għaddew.