Lokali Saħħa

Is-settur tas-Saħħa jixraqlu l-aħjar – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li s-settur tas-Saħħa jixraqlu l-aħjar. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-miljuni li qed jingħataw ta’ Steward Healthcare jintużaw biex jitjiebu s-servizzi.

Hekk qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri waqt konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għal dak li ħabbar il-Gvern fil-Budget.

Stephen Spiteri qal li jinsab iddiżappuntat kif il-Gvern ta’ Robert Abela ma semma’ xejn kif irid jegħleb sfidi kbar fis-Saħħa, fosthom dwar is-Saħħa Sesswali, li sejħilha l-epidemija l-ġdida li kulma tmur, qed tkompli tgħolli rasha.

Min-naħa l-oħra, hu qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jtella’ s-servizzi tal-kura primarja f’livell ta’ eċċellenza biex tkun tista’ tonqos il-pressjoni tax-xogħol fuq l-Isptar Mater Dei. U bl-istess mod jara li jsiru outsourcing u proċess ta’ sħab mal-privat ħalli x-xogħol jitqassam aħjar, fost l-oħrajn f’Dipartimenti bħall-Out-Patients.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, li fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jtenni l-bżonn ta’ kampanja edukattiva dwar is-suwiċidju u sfidi mentali oħrajn.

Mario Galea qal li l-akbar ostaklu għal min ibati minn problemi ta’ saħħa mentali hu l-istigma, li tbiegħed lil dawk milquta milli jitkellem u jitlob l-għajnuna. Fil-fatt, spjega kif huma biss 30% ta’ dawk li jbatu mid-dipressjoni li jmorru għall-kura.

Fid-dawl tal-istatistika xokkanti li madwar id-dinja jseħħ suwiċidju kull 40 sekonda, Mario Galea appella lil dawk li jkunu qed ibatu minn dipressjoni biex ifittxu l-għajnuna u jitkellmu ma’ xi persuna li jkunu jafdaw. U filwaqt li faħħar il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond, innota kif kien Gvern Laburista li neħħa l-Crisis Intervention Team u issa qal li se jerġa’ jiftħu.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan il-Budget hu mimsus għax qed jibqa’ jappoġġja l-kuntratt korrott ma’ Steward Healthcare. Dan minkejja li ta’ Steward stess qalu fil-Qorti li l-kuntratt li kisbu mingħand Vitals kien korrott u frawdolenti.

Għaldaqstant, jekk il-Gvern jibqa’ ma jiċħadx bil-provi din l-istqarrija, kull Deputat li jivvota favur il-Budget ikun qed jikser il-Liġi għax ikun qed japprova kuntratt korrott u frawdolenti.

Adrian Delia fakkar kif skont il-Ministru tas-Saħħa, it-€23 miljun oħra li ta’ Steward se jkunu qed jingħataw is-sena d-dieħla huma investiment fis-Saħħa. Iżda fil-verità, din hi biss żieda fuq is-serqa ta’ kull sena, minkejja l-konferma li ma huma jagħmlu xejn biex jgħinu lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.

U filwaqt li qal li dan kollu ġej minn Kastilja, staqsa liema Bank qed jaċċetta l-flus ta’ Steward meta issa għandna konferma li qed jitħallsu għal kuntratt korrott.