Internazzjonali

L-Awstralja: Lejn moviment aktar flessibbli wara l-miżuri tal-Covid

L-Awstralja kkonfermat li, mill-ġimgħa d-dieħla, għandha tirtira l-miżura li qed twaqqaf liċ-ċittadini tagħha milli jsiefru mingħajr il-permess tal-awtoritajiet.

Dan meta l-Awstraljani qattgħu 19-il xahar marbutin bl-aktar regoli stretti fid-dinja għall-movimenti mill-fruntieri, bil-ħsieb li l-Covid-19 ma jiċċirkulax fl-artijiet tal-Awstralja.

Intant, mill-Ewwel ta’ Novembru, in-nies mhumiex se jeħtieġu aktar ‘eżenzjoni’ biex joħorġu mill-Awstralja u dment li huma jkunu ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-Covid. Filwaqt li l-Awstraljani biss huma eliġibbli għal din il-bidla fir-regoli, il-Gvern qal li l-miżura dalwaqt ‘mhix se tibqa’ applikata b’mod daqstant riġidu’ għall-barranin.

Dan meta l-Gvern Awstraljan qed jistenna biex jilqa’ l-istudenti internazzjonali u barranin oħra fil-pajjiż qabel l-aħħar tas-sena.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qal, intant, li ‘wasal iż-żmien biex l-Awstraljani jingħataw ħajjithom lura’ – bil-bidliet imħabbra fil-miżura jqanqlu sodisfazzjon fost il-poplu tal-Awstralja u l-Awstraljani li qegħdin jgħixu barra pajjiżhom u li ilhom xhur sħaħ mifrudin mill-għeżież tagħhom.

Morrison, intant, qal li l-Awstralja tinsab qrib ħafna li twaqqaf ‘travel bubble’ (rotta ta’ sigurtà) ma’ Singapore – iżda numru ta’ Stati Awstraljani bħal Queensland u Western Australia qed jidhru lesti biex iżommu l-fruntieri magħluqin xorta waħda u  sakemm jitilgħu r-rati tat-tilqim fost ir-residenti.