Għawdex Lokali

L-identità u l-karratteristiċi ta’ Għawdex qed ikomplu jiġu mhedda bl-iżvilupp bla rażan f’zoni pittoreski – il-PN

Il-mod kif inħarġu numru kbir ta’ permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar, fl-aħħar tmien snin, juri biċ-ċar li l-Gvern Laburista ġie jaqa’ u jqum mill-ħarsien tas-sbuħija tal-gżira. Din hi politika short-sighted li għad irridu nbatu l-konsegwenza tagħha fis-snin li ġejjin. Politika li wasslet biex Għawdex tilef u qed jitlef dak li jagħmlu uniku.

Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha qal li jifhem li min għandu propjetà jew art li tista’ tiġi żviluppata jkun jrid jimmassimizza l-valur tagħha. Iżda dan għandu dejjem isir b’ħarsien sħiħ tal-identitá tal-gżira Għawdxija, tal-karatteristiċi tal-lokalità fejn ikun se jsir l-iżvillupp u ġirien li jgħixu fl-istess zona. Kull żvillupp għandu jiġi kkunsidrat dejjem fi kwadru akbar tal-interess pubbliku u dak li jagħmel il-gżejjer tagħna isbaħ u mhux li jkerrah.

Dan l-obbligu jaqa’ kollu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar li l-uffiċjali tagħha huma mħallsin mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi biex iħarsu l-ġid komuni. Sfortunatment, fl-aħħar tmien snin, l-Awtorità tal-Ippjanar b’direzzjoni ċara minn Kastilja saret Awtorità tal-permessi akkost ta’ kollox bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika, is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika u bla ebda ħsieb kif tista’ tiġi mħarsa s-sbuħija ta’ Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista qal li toroq sħaħ bi djar tipiċi Maltin ġew mibdula jew qed jiġu mibdula fi blokok ta’ appartamenti bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika tal-post u bla ebda ħsieb lejn kif ser tiġi effettwata l-kwalitá tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu f’ dik il-lokalitá u dawk it-toroq.

Dan kollu sar u kien mbuttat ‘il quddiem fl-aħħar 8 snin meta fl-ewwel parti tagħhom Robert Abela kien l-konsulent legali prinċipali tal-Awtoritá tal-Ippjanar u Joseph Muscat li kien Prim MInistru direttament responsabbli mill-istess Awtoritá. L-istess politika għadha tiġi implimentata llum b’Robert Abela Prim Ministru.

Ftit tax-xhur ilu s-Sindki kollha ta’ Għawdex ħarġu bi 38 proposta dwar kif jista’ jitwaqqaf ċertu żvillupp li qed iwassal għall-qerda tal-ambjent urban u rurali ta’ Għawdex. Minkejja li meta ġew sottomessi dawn il-proposti kemm il-Ministru għal Ghawdex u l-Ministru għall-Ambjent qalu li jaqblu magħhom illum xhur wara għandhom ma attwawx proposta waħda biss minn dawn it-38 proposta.

Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti, temmet tgħid l-istqarrija.