L-awtoritajiet fi Sqallija qed jikkonfrontaw emerġenza ‘storika’ ikkaġunata minn jiem ta’ maltemp u għargħar straordinarju li s’issa swew il-ħajja ta’ numru mhux ikonfermat ta’ mejtin.
L-effetti tal-maltemp qed jinħassu ħafna f’Katanja u bnadi oħra lejn in-Nofsinar tal-Italja, bil-President Taljan, Sergio Mattarella, jikkuntattja lis-Sindku ta’ Katanja, Salvo Pogliese, biex jesprimi l-appoġġ tal-Istat għar-reġjun imġarrab.
Dan meta t-toroq ta’ Katanja inbidlu fi ‘xmajjar u widien’ – l-istess bħal fil-każ tal-Piazza Duomo barra l-katidral fiċ-ċentru tal-belt – b’dan ikun dovut għall-għargħar li mhu qed jaqta xejn fi Sqallija. Intant, Fabrizio Curcio, il-kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Taljan, fl-aħħar sigħat, iddiskuta s-sitwazzjoni mal-awtoritajiet ta’ Katanja u l-ibliet fil-madwar
L-aħħar rapporti rreferew fost oħrajn għal raġel li għereq fl-għargħar fl-inħawi ta’ Gravina di Catania. Jidher li r-raġel spiċċa mkaxkar mill-ilma wara li kien ħareġ mill-karozza fost il-gliegel tal-ilma.
Ingħad ukoll li l-iskwadri għas-salvataġġ kienu għadhom qed ifittxu għal mara li wkoll inġarret mill-għargħar flimkien ma’ żewġha, fil-belt ta’ Scordia, lejn il-limiti ta’ Katanja. Intant, il-katavru ta’ żewġha kien instab f’dawn l-inħawi fil-bidu tal-ġimgħa.
Il-kaos fi Sqallija qed ikun anki kkumplikat mill-qtugħ tad-dawl f’diversi bnadi u meta dan il-maltemp ‘straordinarju’ mistenni jdum sal-aħħar tal-ġimgħa.
Ix-xjenzati qalu, sadanittant, li l-bidliet fil-klima kkaġunati mill-attivitajiet tal-bnedmin qed iżidu s-sitwazzjonijiet ta’ maltemp ‘eżaġerati u dejjem aktar intensivi’ madwar l-Ewropa.
//= $special ?>