Lokali

Occupy Justice jikkundanaw l-aġir tal-Partit Laburista

“Għal darb’oħra, il-Partit Laburista għażel li jappoġġja u jipproteġi lill-korrotti. Din mhix sorpriża, u mhux l-ewwel darba li ġara dan. Il-Partit Laburista iddefenda u pproteġa lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri, lil Rosianne Cutajar, u lil Chris Cardona. U, minkejja r-rivelazzjonijiet kollha mill-iskandlu tal-Panama Papers, issa qed jiddefendi u jipproteġi lil Konrad Mizzi, il-Ministru li ġie mkeċċi mill-partit tagħhom stess. Huwa evidenti, li deputati Laburisti u membri tal-Kabinett tal-gvern ta’ Robert Abela m’għandhomx intenzjoni li jagħmlu xi ħaġa biex jnaddfu ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.” Hekk saħqet l-Għaqda Occupy Justice fi stqarrija li ġiet ppubblikata l-erbgħa filgħodu.

L-għaqda Occupy Justice sostniet li dan l-attaġjament huwa ferm umiljanti għal Pajjiżna. Il-Prim Ministru, Robert Abela, qed juri li m’għandu l-ebda intenzjoni li jmexxi l-pajjiż fid-direzzjoni t-tajba, iżda jidher biċ-ċar li Malta għadha qed titmexxi mill-istess individwi korrotti u kriminali li mexxewha tul il-mandat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

L-għaqda Occupy Justice Tinsab, għal darb’oħra, imwerwra bl-attitudni tal-Gvern ta’ Robert Abela, u itenni li trid tittieħed azzjoni immedjata kontra l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi.

L-għaqda Occupy Justice qed titlob pożizzjoni ċara kontra kull min kellu xi rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jew li hu suspettat b’xi forma ta’ involviment fil-ħmieġ ta’ politika li qed tirrenja bħalissa f’pajjiżna. Individwi bħal dawn għandhom jiġu esklużi mill-parlament immedjatament.

L-għaqda Occupy Justice itenni t-talba tagħha lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sabiex jieħu azzjoni minnufih u jinvestiga lil dawk kollha li ilhom żmien twil jaħarbu mill-ġustizzja, sabiex fl-aħħar warra tant mistennija, issir ġustizzja.

L- għaqda Occupy justice tappoġġja s-sit-in action tar-Repubblika barra l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u tikkonferma li, bħalhom, il-paċenzja tagħhom wkoll laħqet il-limitu tagħha.

L-għaqda Occupy Justice qed tħeġġeġ sabiex kull min hu rrabjat għall-impunità li xorta għadha ssaltan f’pajjjiżna, mistieden jingħaqad magħhom barra Kastilja nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru fis-6pm sabiex ikun jista’ jsema’ leħnu.

“Dan huwa n-Nazzjon tagħna. Din hija darna. U aħna l-poplu. Nistennew aħjar. Aħna ħaqqna aħjar. Aħna nitolbu aħjar.”