Lokali

AĠĠORNATA: Raġel isofri feriti gravi wara ġlieda fil-Marsa

Niġerjan ta’ 31 sena residenti l-Imsida sofra feriti gravi u kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei wara li, għall-ħabta tall-11.15am, qala’ daqqiet ta’ mus f’idu f’argument viċin il-Ġnien 6 ta’ Awwissu, fil-Marsa.

Kawża ta’ dan l-argument, il-Pulizija arrestat lil Sudaniż, ta’ 45 sena residenti Birżebbuġa, li allegatament ipprova jisraq lill-vittma qabel ma nqala’ l-argument. Min-naħa tiegħu, in-Niġerjan irreżista, bis-Sudaniż ħareġ mus u tah daqqiet f’idu qabel ma ħarab.

Wara li l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-Komunità tal-Marsa sabu lill-vittma ferut, tal-RIU bdew tfittxija immedjata għall-aggressur u wara ftit ħin innutaw persuna li qabetl mad-deskrizzjoni tas-Sudaniż.

Meta kien iffaċċjat mill-Pulizija, hu sar aggressiv u ma obdiex l-ordnijiet li ngħatawlu, iżda xorta spiċċa arrestat. Minn tfittxija li saret fuq il-persuna tiegħu, instabu żewġ armi li jaqtgħu u bil-ponta.

Sadanittant, il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna fil-post qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi. Min-naħa l-oħra, Marsin li tkellmu ma’ NET News qalu li fil-post, li jinsab qrib l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali, għal ħin twil kien hemm preżenza ta’ Uffiċjali tal-Pulizija, inklużi dawk mis-Sezzjoni tal-Forensika.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun u dawk mis-Sezzjoni tar-Reati Maġġuri.