Kultura Lokali

“Qed jibqgħu jgħaddu ż-żmien bina” – artisti tal-Karnival

Ilhom jgħaddu ż-żmien bina aktar minn tmien snin, u qed jibqgħu jidħqu bina.

Dan huwa s-sentiment ta’ bosta artisti tal-Karnival hekk kif għaldarboħra il-Gvern qed jerġa’ jwegħdhom li se jgħinhom. Din il-wegħda issa ilha ssirilhom sa mill-2013. Hekk kif sa issa, il-famuz Villaġġ tal-Karnival baqa’ biss ħolm fl-arja.

Il-Ministru Jose Herrera f’Ottubru ta’ 8 snin ilu kien qal li kellu sit lest għad-dilettanti u li kien qed jaħdem gas down fuq il-villaġġ.

Iżda Jose Herrera llum, tmien snin wara, qed jgħid li l-flus biex jibda dan il-proġett ingħatawlu issa

Żgur li kollox minbarra gas down, meta wieħed iqis li l-artisti tal-Karnivali qegħdin preċiżament fejn kienu tmien snin ilu.

Herrera din il-ġimgħa ħabbar li dak li kellu jkun villaġġ esklussivament għall-użu tad-dilettanti issa se jkun parti minn binja għall-Kultura.

Dak imħabbar b’ħafna pompa bħala l-‘Malta Carnival Experience’ jibqa’ għaldaqstant biss wegħda fl-arja, u dawk li jaħdmu u jistinkaw tant biex tinżamm ħajja parti integrali mill-kultura Maltija, fadlilhom is-snin jistennew. Dejjem jekk il-Gvern iżomm mal-wegħdiet li qed jerġa’ jagħmel.

Għax anke waqt li qed jindika timeframe li fih għandu jitlesta dan il-proġett tant mistenni mill-artisti, il-Ministru qed jilqa’ billi jgħid li kollox jiddependi fuq ħafna fatturi, bħal meta joħorġu l-permessi u ħafna affarijiet oħra.

Li hu żgur hu, li l-artisti fadlilhom ftit mhux ħażin jistennew biex forsi jaraw din il-ħolma tagħhom issir realtà.