Lokali Parlament

Quddiem is-sewwa tibqgħux taqbżu għal xulxin biex taħbu l-ħażin u l-iskandli

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech appella lill-Membri Parlamentari tal-Gvern Laburista biex quddiem l-iskandli u dak kollu li hu ħażin ma jibqgħux jaqbżu għal xulxin u jiddefendu lil xulxin. Għaliex dan l-atteġġjament ma hux korrett mal-poplu li fil-Membri Parlamentari kollha għandu jara nies serji li jittellgħu fil-Parlament biex iservu u mhux biex jisservew.

Bernard Grech, li kien qiegħed jitkellem dwar il-Vot tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Governanza t-Tajba, beda biex qal li hi ironija kif ninsabu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u fejn kull Membru Parlamentari hu mistenni minnu li jagħmel minn kollox biex ikun tassew onorabbli. Għaliex kull Membru Parlamentari qiegħed fil-Parlament biex iservi lill-poplu u mhux biex jisserva bil-poplu.

Kif jista’ jkun Ministeru tal-Governanza Tajba meta l-istess Ministru responsabbli minn dan il-Ministeru, hu stess jiġi jaqa’ u jqum u jibqa’ jaħrab Mozzjoni li ppreżentat l-Oppożizzjoni biex niddiskutu l-imġieba tiegħu stess bħala Ministru!

Waqt li hu rappreżentant tal-poplu u jokkupa din il-kariga, jidher ċar li dan qed jonqos b’mod ċar lejn il-poplu. Kif jista’ jkun li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza t-Tajba jkun mikxuf li waqt il-qadi ta’ dmirijietu lejn il-poplu, ikun qed jikkomunika b’mod intimu ma’ allegat kriminal. U dan waqt u fi żmien tal-akbar skandli ta’ korruzzjoni li qatt laqtu lil pajjiżna.

Il-Ministru tal-Governanza t-Tajba jmissu jistħi minn dan kollu, anki fl-isfond ta’ dak rapportat dwar ingħad fil-What’s Up bejnu u bejn persuna allegat kriminal.

Imbagħad hemm il-kumplament tan-naħa tal-Gvern jgħinu lil min inqabad b’dawn il-komunikazzjonijiet. Ma hux tajjeb li waqt li int Ministru jew Uffiċjal Pubbliku fl-istess waqt tkun qed tikkomunika b’mod intimu ma’ persuna allegat kriminali. Dan hu ħażin għat-tnawwar il-fiduċja li n-nies għandu jkollu fil-politiċi li jirrappreżentawhom. Ħadd m’għandu jidħak bin-nies u bil-buona volonta tagħhom.

In-naħa tal-Gvern tibqa’ taħbi u tibqa’ tinħeba. “Tibqgħu tiddefendu lil xulxin… għaliex? U dan minkejja li tafu tajjeb li wħud minnkom wettqu żbalji serji u gravi.

Fil-Parlament il-Gvern għandu l-maġġoranza, iżda l-maġġoranza mhux biex tipproteġu l-interessi tagħkom u ta’ sħabhom u biex tiffavorixxu l-interessi partiġġjana tal-Partit Laburista. Din il-maġġoranza xi darba se tgħaddi u n-naħa tal-Gvern se jkollha twieġeb u tagħti r-rendikont tagħha.

In-naħa tal-Gvern ipproteġiet lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi li hu l-ideatur tal-kuntratti wara l-Vitals u l-Electrogas u li n-naħa tal-Gvern m’għandha l-ebda ħsieb li twaqqaf biex hekk hu l-poplu Malti li qed ikollu jagħmel tajjeb bi flusu għal dan is-serq kollu.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza t-Tajba suppost li jara xi bżonnijiet hemm fil-Qrati tagħna u fejn għandha ssir il-Ġustizzja. Hemm kawżi li suppost jinqatgħu fi żmien qasir, iżda dan mhux jiġri għaliex m’hemmx biżżejjed Imħallfin u Maġistrati u dan kollu għaliex il-Gvern mhux jinvesti fil-Ġustizzja biex minflok qed jużaw dawn il-flus f’kuntratti korrotti.

Huma n-nies hemm barra li qed ibatu l-inġustizzji għaliex jidħlu l-Qorti u jispiċċaw ankrati hemmhekk għal ħafna snin biex issir il-Ġustizzja. F’Malta l-kawżi huma medja tmien darbiet aktar fiż-żmien biex jinqatgħu. Jieħdu fit-tul wisq għaliex il-Gvern mhux jinvesti skont il-bżonnijiet tal-lum.

Il-ħin illum sar jiswa ħafna u ħafna flus u mhux aktar aċċettabbli li n-nies jaħlu flushom u ħinhom jistennew li ssir Ġustizzja magħhom fil-Qrati.

Il-Gvern qed iħalli l-flus jinħlew u jinsterqu u għalhekk ma jistax jinvesti fil-Qrati tal-Ġustizzja tagħna b’aktar Imħallfin, b’aktar Maġistrati u b’aktar Esperti tal-Qorti.

Dan kollu minħabba n-nuqqas ta’ investiment fejn anki fir-rigward tal-ħaddiema li jservu fil-Qrati tal-Ġustizzja hemm numru kbir ta’ ħaddiema nieqsa. U l-ħaddiema li hemm huma rrabjati għall-Gvern għaliex m’għandhomx biżżejjed staff u riżorsi tant li hemm min qed jgħaqqad lill-ħaddiema biex ikun jista’ jiddefendihom aħjar.

L-istat tal-Ġustizzja f’pajjiżna sejjer minn ħażin għall-agħar għaliex il-ħaddiema huma nieqsa minn kull motivazzjoni u dan qed iwassal biex anki l-Avukati, il-Prokuraturi Legali u dawk kollha li jservu fil-Qrati qed jispiċċaw frustrati u mdejqa.

Dan kollu qed iwassal għal ħafna tbatijiet, fosthom fost il-ġenituri li jispiċċaw il-Qorti biex jaraw lil uliedhom. Iżda għaliex ma hemmx riżorsi biżżejjed fil-Qrati, allura s-sitwazzjoni hi waħda ta’ effett ħażin ħafna fuq in-nies għaliex il-Gvern flok ma jinvesti fin-nies, jibqgħu jinvestu f’xulxin u jiddefendu lil xulxin.

In-naħa tal-Gvern ma tiddejjaq xejn tiddefendi lil Konrad Mizzi li għat-tielet darba jibqa’ jaħrab milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. Iżda l-Gvern jibqa’ jaqbeż għalih u jibqa’ jiddefendih u dan hu nsult u weġgħa għan-nies hemm barra.

Dan hu disprezz kbir lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għaliex din l-attituni tal-Gvern? Mela x’jaf fuq kull wieħed u wadħa minnkom Konrad Mizzi? X’jaf fuq il-Prim Ministru u fuq l-eks Prim Ministru?

U l-Kummissarju tal-Pulizija kemm hu liberu li jieħu l-passi meħtieġa? Ħarġu għal diversi drabi nuqqasijiet serji li għamel Konrad Mizzi, fosthom trading in influence – iżda flok arrestat u investigat mill-Pulizija jinsab imsiefer!

Wara li kellna għadd ta’ Kummissarji tal-Pulizija li kienu qed jieħdu l-istruzzjonijiet minn Kastilja wieħed jispera li l-Kummissarju tal-Pulizija attwali ma hux ukoll hu stess kontrollat minn Kastilja. Wieħed jistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija attwali jieħu l-passi kollha meħtieġa biex issir il-Ġustizzja anki ma’ Konrad Mizzi u ma jkunx kundizzjonat mill-imġieba tal-Gvern li taqbeż għal xulxin u li tipproteġi lil Konrad Mizzi.

Bernard Grech temm billi reġa’ estenda l-invit tiegħu biex il-Kamra kollha kemm hi tibgħat messaġġ ċar u qawwi li Konrad Mizzi għandu jmur quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ħalli jwieġeb id-domandi kollha li jsirulu biex hekk jagħti rendikont ta’ f’hix nefaq u qed jonfoq flus il-poplu.