Lokali Qorti

Raġel li se jgħaddi ġuri jingħata l-pleġġ għax kien jonqos milli jiffirma l-għassa

Keith Cremona ta’ 33 sena mill-Belt li s-sena d-dieħla mistenni jgħaddi ġuri fuq każ ta’ serqa minn fuq mara anzjana ingħata l-libertà proviżorja li kien tilef minħabba li għal diversi drabi ma kienx imur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. Huwa qed jiġi akkużat li 16-il sena ilu, meta kien fil-preżenza ta’ żewġ irġiel oħra mhux biss serqu lil mara, iżda li aggredewha.

Wara li kull darba kien ġie kkundannat sentenza ta’ ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li kien jonqos mili jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija għal mill-anqas ħames darbiet f’perjodi differenti, huwa kellu r-rikors tiegħu milqugħ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera u reġa’ ngħata ċans ieħor.

Cremona kien tressaq il-Qorti fl-aħħar ta’ Mejju tal-2012 fejn il-prosekuzzjoni kienet qalet li nformazzjoni kunfidenzjali mgħoddija lill-pulizija wasslet biex  jiġi akkużat b’serqa minn fuq mara, li dak iż-żmien kellha aktar minn 60 sena. L-Ispettur Michael Mallia kien qal li fil-Qorti li matul is-snin mis-serqa, il-pulizija qatt ma ssuspettat l-involviment ta’ Keith Cremona iżda informazzjoni kunfidenzjali li l-pulizija rċeviet wasslet biex jiċċekkjaw il-marki tas-swaba’ u qabblu ma’ dawk ta’ Cremona.

Tliet persuni kienu ħabtu l-bieb ta’ barra tal-anzjana, u meta fetħitilhom il-bieb, wieħed mill-irġiel imbottaha għal ġewwa d-dar tagħha stess u waqt li żammha serqulha madwar €466, bit-tliet irġiel jaħarbu minn fuq il-post. Is-serqa kienet seħħet fl-20 ta’ Lulju, 2005 għall-ħabta tad-9am f’San Ġiljan.

Cremona, li qed jiġi mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-mara, u li sar reċidiv, dejjem ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. L-imputat qal fir-rikors li ppreżenta li fil-ħabs ilu  aktar minn tliet snin mizmum u jinsab ferm ahjar u jahdem bhala matrudaxxa ġewwa l-istesss Faċilità Korrettiva.

Nannuh li joqgħod il-Birgu qal li lest li jmur jirrisjedi fl-appartament tal-imputat fil-Belt. Cremona qal li huwa minnu illi żbalja fil-passat minħabba nuqqas li jiffirma fl-gassa iżda, dan ma jfissirx illi persuna ma tistax terga tingħata libertà proviżorja iktar u iktar meta għadda żmien konsiderevoli.

Il-Qorti Kriminali wara li għamlet diversi kunsiderazzjonijiet fejn anke semgħet lil Helenio Galea, rappreżentant tal-ħabs jghid li Cremona kien qed igib ruhu sew fil-ħabs u li anke sab impieg u li kien qed jaħdem b’mod regolari. Qal ukoll li kien ilu żmien twil il-ħabs taħt arrest preventiv u ra kambjament kbir fl-aġir u komportament tieghu. Tenna li kien ilu jafu 10 snin u li kien biss dawn l-aħħar 10 xhur li ra progress fl-aġir tiegħu.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li “Il-kwistjoni dwar jekk perjodu ta’ detenzjoni huwiex raġonevoli ma tistax tiġi evalwata b’mod astratt iżda għandha tiġi kkunsidrata f’kull każ skont il-karatteristiċi speċjali tagħha. It-tkomplija tad-detenzjoni tista’ tiġi ġġustifikata f’każ partikolari biss jekk ikun hemm indikazzjonijiet speċifiċi ta’ rekwiżit ġenwin ta’ interess pubbliku li, minkejja l-preżunzjoni tal-innoċenza, jegħleb ir-regola tar-rispett għal-libertà individwali stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea.”

Il-Qorti għalhekk laqgġet ir-rikors ippreżentat mill-Avukati ta’ Cremona, David Gatt u Ishmael Psaila u ordnatlu joqgħod taħt diversi kundizzjonijiet li jinkludu li jirrisejdi fir-residenza tiegħu ma’ nannuh. Li jiddepożita is-somma ta’ €3,000 flimkien mal-€5,000 diġa’ depożitati, li ma jkellimx ix-xhieda tal-prosekuzzjoni, li jiffirma l-għassa tal-Belt Valletta darbtejn kuljum bejn it-8.00am. u 12.00p.m u bejn it-3.0p.m u is-7.00p.m. u li jirrinkaża ruħu d-dar fit-8.30 p.m u ma johrogx qabel l-ghada fis-7.30 a.m