Lokali

Titħabbar il-mewt ta’ Joe Debono

Jum ta’ niket l-Erbgħa filgħodu hekk kif tħabbret il-mewt tal-attur u kittieb Joe Debono fl-età 63 sena wara xhur jikkumbatti mal-kundizzjoni tal-ALS, li ħakmitu tul l-ewwel xhur tal-2020.

Dan tħabbar minn qrabatu fejn intqal li ħuhom straħ iżda ħalla warajh ħafna imħabba, ġid u tbissim…minkejja li xorta waħda t-telfa tiegħu ċertament hija ferm diffiċli għalihom.

Joe Debono mingħajr ebda dubju jibqa’ assoċjat u mfakkar mal-karattru tas-Sur Bondin waqt il-programm Xarabank fejn qanqal diversi tbissim fuq fomm il-poplu Malti u Għawdxi.

Debono twieled fil-25 ta’ Mejju, 1958, fejn trabba u qatta’ tfulita fil-Belt Valletta. Huwa tgħallem fl-iskola tal-Pilar fil-Belt Valletta stess, il-Liċeo fil-Ħamrun kif ukoll fl-Iskola Sekondarja Ogħla l-Belt.

Filwaqt li għamel karriera ta’ 40 sena fis-settur bankarju u għamel ukoll 3 snin bħala gwida turistika jibqa’ magħruf għal karriera twila li għamel fil-midja lokali.

Beda jidher fuq it-televiżjoni fl-1988 iżda oriġinarjament beda mill-palk magħruf bħala tal-Antonjanti. Huwa ipproduċa u ppreżenta diversi programmi bħal fost oħrajn Aħn’Aħna jew M’Aħniex, Asterix, O Żmien Ħelu u Bir-Rispett Kollu.

Dan filwaqt li huwa kien ukoll kittieb fejn kiteb il-ktieb intitolat z-Ziju Manwel.

Fl-aħħar xhur ta’ sehem imprezzabli fil-missjoni ta’ Bjorn Formosa sabiex dawk il-persuni li jsofru mill-kundizzjoni tal-ALS ikollhom l-għajnuna kollha li jixraqilhom u jistħoqilhom.