Lokali Qorti

Tliet snin probation fuq serq ta’ ġojjelerija u li ftit ilu kien tressaq il-Qorti fuq serq ta’ għodda

Raġel ta’ 42 sena mill-Qawra li aktar kmieni dan ix-xahar tressaq il-Qorti fuq serq ta’ għodda, ingħata probation għal tliet snin wara li nstab ħati li seraq ġojjellerija ta’ mara minn villa li mhix qed tintuża’.   Patrick Cassar li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni kien tressaq il-Qorti mill-Ispettur Godwin Scerri u nstab ħati li fis-16 ta’ Mejju 2019, għall-ħabta ta’ 11.45 p.m., seraq ġojjellerija minn villa b’dannu għal koppja u li pprova jisraq minn blokka ta’ appartamenti b’dannu għal persuna oħra li huwa sid il-blokka.

Cassar kien arrestat mill-Pulizija wara li rċeviet informazzjoni li qrib lukanda li hemm faċċata tal-villa kien hemm raġel liebes kollu iswed, iħuf madwar residenza u tefa’ kaxxa f’ għalqa faċċata. Meta l-pulizija marru fuq il-post arrestawh u sabulu 10 kaxxi ta’ ġojjellerija, li ħamsa kienu vojta u l-oħrajn bid-deheb, torċ u sett ċwievet. Cassar qal li ħareġ jimxi żewġ passi meta sab il-ġojjelli f’kaxxi fit-triq waqt li sostna li daħal fil-blokka ta’ appartamenti biex ifittex numru tal-kuntrattur għax ma kellux xogħol.

Ir-raġel tal-mara xehed li d-dar kienet vojta għax kienu biegħuha waqt li l-martu qalet li l-ġojjellerija ma kinitx għadha tużaha għax kienet ingħatat lilha bħala rigal u ma baqgħetx tużaha. Qal li sab il-katnazz tal-blokka tal-appartamenti mkisser. Wara li semgħet dawn ix-xhieda, il-Maġistrat  Rachel Montebello għamlitha ċara li ma temminx il-verżjoni tiegħu li ħareġ jagħmel żewġ passi anke għall-fatt li nstab torċ fuqu.

Hija lanqas ma emmnet li daħal f’binja li qed tinbena biex isib numru tat-telefon tal-kuntrattur għax ma kellux xogħol u ddeskriviet din il-verżjoni bħala “assurda” u “skuża banali”. Wara li semgħet ‘social worker’ tgħid li Cassar għandu l-vizzju tad-droga imma motivat li jirrijabilita hija kkundannatu għal tliet snin probation.

Fl-14 ta’ Ottubru li għadda huwa kien ġie mixli fil-Qorti li fl-10 ta’ Ottubru, għall-ħabta tat-8.15pm. minn sit ta’ kostruzzjoni fi Triq San Pawl il-Belt Valletta, seraq għodda li l-valur tagħha huwa ta’ €2,829 għad-dannu tal-kumpanija Cutrico.

Cassar ġie mixli wkoll li naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti fuq mill-Qorti fuq każ ieħor u li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ probation u li sar reċediv. Ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjoni dwar każ, li ma jikkomettix reat ieħor għall-perjodu ta’ tliet snin. Għlih deher l-Avukat Mario Mifsud.