Lokali

Żewġ persuni bi ġrieħi gravi f’ħabta bejn karozza u mutur

Raġel ta’ 55 sena u mara ta’ 54 sena, it-tnejn residenti r-Rabat Għawdex, sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fil-limiti tal-Mellieħa.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-8.15p.m. fi Triq il-Marfa meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn il-mutur tat-tip Kymco misjuq mir-raġel Għawdxi u karozza tat-tip Skoda Rapid misjuqa minn raġel ta’ 37 sena ta’ nisel Eritrean residenti l-Imsida. Il-mara kienet passiġġiera fuq il-mutur.

Fuq il-post wasal tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ħa lis-sewwieq tal-mutur u l-passiġġiera l-Isptar Mater Dei għal iktar kura. Iktar tard huma kienu ċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.