Lokali

Bolla ġdida biex tfakkar il-100 sena mis-Senat Malti u l-Assemblea Leġiżlattiva

Fl-1 ta’ Novembru 2021, MaltaPost se tkun qed toħroġ bolla ġdida f’forma ta’ miniature sheet biex tfakkar il-100 sena mis-Senat Malti u l-Assemblea Leġiżlattiva.

Wara aktar minn seklu tat-tmexxija mill-Inglizi, fl-1921 Malta ngħatat il-Kostituzzjoni ta’ Amery-Milner, li ppermettiet li l-Maltin biex ikollhom l-Gvern tagħhom. Il-Gvern Malti seta’ jkollu x’jaqsam mal-affarijiet interni filwaqt li l-Gvern Imperjali Ingliż kellu jżomm ir-responsabilta għall-kwistjonijiet relatati mad-difiża u l-affarijiet barranin.

Din il-ħarġa se tikkonsisti f’bolla waħda b’daqs 31mm x 44mm, b’perforazzoni ta’ 13.9 x 14.0 u għandha watermark bis-salib ta’ Malta. Il-miniature sheet hija ta’ daqs 120 mm x 80 mm u ġiet ipprintjata minn Printex Limited bi proċess offset. Il-bolla u l-miniature sheet ġew iddisinjati mill-MaltaPost u l-ħarġa se tikkonsisti f’20,000 miniature sheet b’kull waħda b’ valur ta’ €5.50.

Flimkien ma’ din il-ħarġa, MaltaPost u l-Bank Ċentrali ta’ Malta se joħroġu prodott konġunt li jikkonsisti f’silver foil stamp replica u munita kommemorattiva. Il-bolla tal-fidda turi l-bolla tal pustaġġ tal-€5.50 bil-kulur mis-sett ‘100th Anniversary Malta Senate and Legislative Assembly’. Il-munita tal-fidda għandha dijametru ta’ 38.61mm b’ valur ta’ €10.00. Is-sett huwa ppreżentat ġo kaxxa flimkien maċ-ċertifikat ta’ awtentiċita.

Minn nhar it-Tnejn 1 ta’ Novembru 2021, dawn il-prodotti se jkunu jistgħu jinxtraw minn kull Fergħa Postali f’ Malta u Għawdex. Ordnijiet jistgħu jsiru online fuq www.maltaphilately.com jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c. 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001 – Telephone 2596 1740 – e-mail: info@maltaphilately.com