Lokali

Bżonn ta’ aktar appoġġ għall-persuni b’diżabbiltà

L-istennija fit-tul, il-ħtieġa ta’ iktar sapport fis-sajf, il-bżonn ta’ iktar ghajnuna finanzjarja fejn jidħlu servizzi li ma jingħatawx mill-Gvern u n-nuqqas ta’ riżorsi umani huma fost it-tħassib li qed jaffaċċjaw diversi persuni b’diżabbiltà.

Studju li sar mill-Università ta’ Malta flimkien mal-Kumissjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà bl-isem ‘Service Provision and Persons with Disabiilty’ tefa’ dawl fuq l-isfidi li qed jaffaċjaw il-persuni b’diżabbiltà …hekk kif iktar minn 40% iħossu li mhux isibu biżżejjed sapport u għajnuna.

Għalkemm wieħed jista’ jgħid li sar ħafna titjib fis-servizzi li jingħataw lill-persuni b’diżabbiltà, xorta għad fadal ħafna sfidi li dawn il-persuni qed jiffaċċjaw ta’ kuljum – sfidi li qed jaffettwaw il-ħajja tagħhom. Bl-ikbar sfida tibqa’ n-nuqqas ta’ riżorsi umani flimkien man-nuqqas ta’ aċċessibbiltà, u l-bżonn li jiżdied l-għarfien dwar problemi li jaffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà.

F’dan l-istħarriġ ħareġ li hemm bżonn pjan ta’ azzjoni sabiex ikun hemm iktar professjonijisti li jaħdmu ma’ dawn il-persuni. Fejn tidħol l-aċċessibbiltà, hemm bżonn ta’ iktar postijiet ta’ parkeġġ kif ukoll issir kampanja edukattiva sabiex jikber l-għarfien dwar dan is-settur.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn dan l-istudju hemm il-ħtieġa ta’ ċentralizzazzjoni tas-servizzi, iktar miżuri għall-familji, jissaħħu s-servizzi fil-komunità, iktar investiment f’apparat teknoloġiku, u aktar sapport lill-dawk li jimpjegaw persuni b’diżabbilta 

Ir-rapport jikkonkludi li jekk vera pajjiżna jrid li jkun hemm bidla pożittiva fis-servizzi li jingħataw lil dawn il-persuni, hemm bżonn li dawn ir-rakkomandazzjoni jiġu milqugħa u jibdew jitwettqu mill-aktar fis.

Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista huwa impenjat aktar minn qatt qabel sabiex joffri qabża ta’ kwalità ’l quddiem fil-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà biex jiżgura li l-qafas leġiżlattiv, il-mentalità nazzjonali u l-infrastruttura fil-livelli varji jkunu verament adegwati għall-eżiġenzi tal-lum tal-persuni b’diżabbiltà.