Lokali

L-IĠM jikkundanna stqarrija li għamel Karl Stagno Navarra

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IGM) jikkundanna l-istqarrija li għamel Karl Stagno Navarra fil-programm Pjazza, li xxandar fuq One ​​TV, dwar ġurnalist ta’ Lovin Malta.

Waqt il-programm, il-preżentatur tal-programm xandar filmati ta’ protesta organizzata mir-Repubblika li qed issir barra l-kwartieri ġenerali tal-pulizija fil-Furjana u identifika ġurnalist b’ismu, u insinua li l-ġurnalist kien parti mill-protesta jew kien wieħed min-nies warajha.

Filwaqt li Stagno Navarra isemmi lill-ġurnalist b’ismu, imbagħad ikompli jgħid li mhux qed jattakka lill-ġurnalist talli qiegħed hemm.

L-IĠM tgħid li dan kien tentattiv biex jiġi mħammeġ isem il-ġurnalist.

Wara dak kollu li għadda minnu dan il-pajjiż b’riżultat tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li tipprova tpinġi stampa negattiva ta’ ġurnalisti individwali hija xi ħaġa perikoluża.

Filwaqt li l-preżentatur tal-programm għandu dritt għall-opinjoni tiegħu u għal-libertà tal-kelma, l-IĠM jemmen li l-azzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-ġurnalist inkwistjoni kienu żbaljati.