Lokali Parlament

Edward Zammit Lewis m’għadux idoneu biex jibqa’ Ministru tal-Ġustizzja għax il-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli

Karol Aquilina, Deputat Nazzjonalista

Karol Aquilina, Deputat Nazzjonalista, qal li ma tagħmilx sens li l-proċedura tad-diskussjoni tal-Baġit tibqa’ kif inhi fis-sens li l-ewwel titkellem l-Oppożizzjoni u tagħmel il-kritika tagħha u mbagħad iwieġeb il-Gvern. Il-proċedura għandha tkun bil-maqlub fis-sens li l-ewwel jagħmel id-diskors tiegħu l-Ministru konċernat u l-Oppożizzjoni wara tagħmel il-kritika u s-suġġerimenti tagħha. Hu awgura li għal-leġislatura li jmiss tidħol fis-seħħ din il-proċedura ġdida.

Dan hu settur li għal ħafna snin ma kienx hawn kontroversja dwaru. Kien ikun hemm ftit kwistjonijiet pendenti, fosthom id-dewmien fil-Qorti. Illum il-politiċi li qed imexxu lil dan il-pajjiż qed jikkawżaw problemi kbar fil-qasam tal-Ġustizzja sempliċiment għaliex ħatfu l-istituzzjoni tal-Ġustizzja.

Illum il-kontroversja hi dwar kif il-Gvern iħares lejn il-qasam tal-Ġustizzja. Illum il-poplu Malti u Għawdxi għandu dubbji serji dwar kif qed issir il-Ġustizzja fil-Qrati tagħna. Tkellmu man-nies u jgħidulek li fil-pajjiż m’hawnx Ġustizzja. In-nies iħossu li fil-pajjiż hawn liġi għall-allat fil-Gvern iżda mbagħad hemm liġi oħra li tapplika għan-nies tat-triq.

Fil-qasam tal-Ġustizzja għandna problemi kbar u s-sistema qed tfalli kuljum.

Hu qal li kien tajjeb li fil-pajjiż iddaħlet proċedura ġdida kif ikunu nominati l-Imħallfin u l-Maġistrati iżda din il-bidla li saret saret biss wara li l-Gvern mela l-Qrati b’ċerti tipi ta’ nies. Tajjeb li jingħad ukoll li dawn il-bidliet daħlu fis-seħħ wara pressjoni kbira li saret mhux biss mill-Partit Nazzjonalista, imma anki minn terzi lokalment u minn terzi barranin li fehmu li dak li kien qed jagħmel il-Gvern kien perikoluż ħafna għas-sistema tal-Ġustizzja f’Malta.

Hu qal li n-numru ta’ Mħallfin u Maġistrati ma hux biżżejjed biex jitratta l-volum ta’ xogħol li hemm fil-Qrati fejn il-każijiet pendenti qed ikomplu jiżdiedu. Trid tittieħed azzjoni biex jiżdiedu l-Imħallfin u l-Maġistrati.

Karol Aquilina tkellem dwar l-Inkjesti Maġisterjali u qal li hemm mijiet ta’ Inkjesti li jsiru mill-Maġistrati bħala parti mix-xogħol tagħhom. Din ma hix prattika tajba għaliex ma jistax ikun li l-Maġistrati jlaħħqu mal-ħafna xogħol li għandhom. Wasal iż-żmien li fil-pajjiż ikun hawn pool ta’ Maġistrati li jiffukaw biss fuq l-Inkjesti Maġisterjali biex hekk ix-xogħol jitħaffef u x-xogħol fil-Qrati ma jkunx effettwat sal-punt li anki x-xogħol ta’ dan il-pool isir minn binja differenti minn dik tal-Qrati eżistenti.

Hu qal li fil-pajjiż hawn numru ta’ persuni idonei għal dan il-pool ta’ Maġistrati kif ukol nies oħrajn li wkoll huma kapaċi jiffurmaw parti minn dan is-set up importanti.

Tkellem dwar il-binja tal-Qorti u qal li llum hemm qbil li meta persuna jidħol f’din il-binja tal-Qorti mill-ewwel iħoss li ma hux se jinqeda. Din tinħass f’kull parti tal-bini. Morru fir-Reġistru u juruk munzelli kbar ta’ dokumenti u files u l-istess ħaddiema jgħidulek li hemm uffiċċji żgħar, iżda jgħidulek li għandhom diffikultajiet biex jaħdmu b’effiċjenza. Ir-riżultat ta’ dan kollu hu li ħafna dokumenti u files jaslu fir-Reġistru iżda jkunu ma jinħadmu.

Jekk is-sitwazzjoni se tibqa’ kif inhi llum, allura s-sitwazzjoni se tikkrolla. Fil-verità pajjiżna għandu bżonn bini ġdid tal-Qorti għaliex dak eżistenti issa spiċċa bla spazji.

Karol Aquilina qal li sal-lum għad m’hemmx applikazzjoni quddiem il-PA dwar estensjoni tal-Qrati meta kien l-istess Ministru tal-Ġustizzja li kien qal li wara l-Qorti kienet inxtrat binja u fiha kienu se jiżviluppaw erba’ awli u għadd ta’ uffiċċji. Sal-lum minn dan kollu ma ġara xejn.

M’hemmx fejn jaħdmu l-Imħallfin u l-Maġistrati kollha fl-istess ħin. Il-bini tal-Qorti m’għadux adatta għal aktar xogħol tal-Qorti minħabba d-diversi problemi serji li hemm u wieħed irid japprezza x-xogħol li qed jagħmlu l-ħaddiema kollha – huma min huma – li qed jagħmlu l-mirakli biex is-sistema ma tikkrollax.

Il-Gvern irid jagħmel l-investiment kollu li hemm bżonn fil-Qorti u dan m’hux f’terminu biss ta’ flus imma anki f’termini ta’ ħaddiema. Illum il-ħaddiema tal-Qorti jaqgħu taħt Aġenzija iżda għal xi raġuni jew oħra ħadd ma jrid jaħdem f’din l-Aġenzija. Il-messaġġ li qed jintbagħat hu “tersaqx ’l hawn” u dan meta l-Qrati għandhom jattiraw l-aqwa mħuħ biex iservu fihom.

Karol Aquilina tkellem ukoll dwar is-sistema diġitali tal-Qorti u qal li fl-aħħar sena u nofs intilfet l-opportunità li l-pajjiż ikollu sistema diġitali tajba. Illum qegħdin fl-assurdità li ħafna mix-xogħol li jista’ jsir mill-uffiċċji, ikollu jsir fiżikament billi dak li jkun ikollu jmur il-Qorti. Ejja noħolqu sistema effiċjenti biex in-nies iħossuhom viċin it-twettieq tal-Ġustizzja.

Karol Aquilina qal li jekk wieħed iħares lejn x’qed jiġri fl-Appell, isib mijiet ta’ każijiet pendenti u li ħafna minnhom anqas biss sar xi progress fihom.

Nappella lill-Gvern biex ikun hemm aktar sessjoniijet ta’ tliet Imħallfin biex jaraw aktar każijiet u hekk jinqatgħu iżjed każijiet.

Hu temm biex fil-Qorti tal-Appell isiru l-bidliet kollha li hemm bżonn u dan mingħajr dewmien u ħala ta’ żmien.

Hawnhekk tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Ministru Edward Zammit Lewis u qal li dan inqabad f’pożizzjoni kompromettenti sal-punt li llum il-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex aktar denibbli.

Int ma tistax tkun Ministru tal-Ġustizzja u toqgħod tiċċaċċra u tilgħaq lil Yorgen Fenech. Dawn x’affarijiet huma? Int ma tistax tagħmel dawn l-affarijiet… aktar u aktar meta qgħadt tiddieħak u tikkonfoffa miegħu dwar temi milli aktar serji fil-pajji.. jiġifieri dwar il-Panama Papers u l-17Black… li fi ftit kliem huma l-mottiv wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Id-deċenza kienet titlob li meta jinħarġu dawn l-affarijiet fuqek, allura twarrab. Iva jkollok il-kuraġġ u twarrab. Ma hux aċċettabbli li fil-pajjiż ikun hawn il-Ministru tal-Ġustizzja li joqgħod jiċċaċċra ma’ Yorgen Fenech u dan jibqa’ jokkupa l-kariga li għandu bħalissa.