Basketball Sport

Finali bejn Starlites u Hibernians

Colin Schembri

Starlites Naxxar………………91

Depiro…………………………….79

(22-30)(26-9)(18-15)(25-27)

Starlites saru l-ewwel team li waslu sal-finali tal-MBA shield wara li għelbu lil Depiro 91-79 f’partita kumbattuta li offriet xejn anqas minn 25 three pointer fejn kull team kellhu l-mumenti tiegħu. Iż-żewġ timijiet kellhom il-formazzjoni tipika tagħhom bl-eċċezzjoni ta’ Darryl Pisani li kien nieqes għal Depiro. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ, 7-5 bi trippla fuq kull naħa. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Robert Bonnici u trippla tal-Amerikan Jamiah Haynes bid-Depiro jkollhom il-punti ta’ TJ Atwood u Alex Oriakhi għal skor ta’ 16-11. Depiro komplew b’run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Miguel Mallia biex ħadu vantaġġ ta’ sitt punti li però malajr ġie fix-xejn hekk kif Matthew Scerri għamel żewġ three pointers wara xulxin għal Starlites. Sa’ tmiem is-sessjoni però Depiro għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta b’aktar three pointers din id-darba minn Atwood u temmewha 30-22 minn fuq. Starlites bdew tajjeb fit-tieni sessjoni b’run ta’ 11-2 bl-Amerikan Jacob Bates jidħol aktar fil-partita. Depiro sabu ruħhom f’diffikulta u Starlites malajr approfittaw fejn għamlu erba’ three pointers oħra wara xulxin, 2 minn Bates flimkien ma’ Scerri u Bonnici. Għalkemm Depiro naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Corey Henderson u basket ta’ Atwood, fl-intervall Starlites kienu 48-39 minn fuq.

Fi-tielet sessjoni Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk speċjalment permezz ta’ Atwood u waslu sa’ 6 punti ‘l bogħod. Hawn però Starlites għamlu break ieħor ta’ 10-0 bi trippli ta’ Alec Felice Pace u Haynes biex fetħu distakk ta’ 16 -il punt. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn Henderson iżda qabel intemmet it-taqsima, Haynes għalaq bit-three pointer ieħor għal skor ta’ 66-54. Fl-aħħar sessjoni, Starlites fetħu vantaġġ massimu ta’ 21 punt 82-61 wara punti minn Scerri u Haynes u Ian Felice Pace. Atwood u Oriakhi tħabtu biex iressqu lil Depiro viċin u waslu sa’ 12 -il punt però għal darb’oħra ntlaqtu minn sensiela ta’ trippli ta’ Starlites li baqgħu sejrin biex rebħu l-partita 91-79.

Starlites: A. Felice Pace 13, I. Azzopardi, A. Azzopardi, R. Bonnici 14, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 13, J. Bates 28, L. Farrugia, J. Haynes 18.

Depiro: A. Attard 3, N. Grech, S. Vella, TJ Atwood 29, M. Brincat 5, M. Mallia 5, A. Oriakhi 15, M. Debattista 2, L. Vella 2, C. Henderson 16.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Florentina Ciurariu

Gżira Athleta……………………47

Hibernians……………………….88

(6-24)(14-27)(15-14)(12-23)

Dan ir-riżultat jista’ jitqies bħala sorpriża mhux tant għax Hibernians ħarġu rebbieħa però l-aktar għall-mod faċli li bih iddominaw il-partita. Wieħed jista jargumenta li l-kundizzjoni tal-court ma  kienitx favorevoli, però din kienet għaż-żewġ timijiet. L-Amerikan Zachary Hudson deher li weġġa fl-ewwel sessjoni u minkejja li kompla l-partita għal xi ħin, ftit kien effettiv tant li nbidel mill-coach Peter Farrugia. Hibs kienu mingħajr Keith Dimech għal din il-partita. L-ewwel minuti kienu mingħajr baskets forsi minħabba ċerta kawtela mill-players qabel ma bdew ġejjin il-punti tal-Athleta minn Hudson u Shawn Montague u Hibs kellhom trippla ta’ David Bugeja u basket minn Mason Vires għal skor ta’ 6-5. Dawn kienu l-aħħar punti tal-Athleta fis-sessjoni għax minn hemm ‘l quddiem, Hibs għamlu 19 -il punt konsekuttiv b’diversi baskets ta’ Bugeja, Vires, Ivan Demcesen u Peter Shoults għal skor ta’ 24-6. Ir-risposta tal-Athleta ma waslitx lanqas fil-bidu tat-tieni sessjoni li anzi rat lil Hibs jagħmlu run oħra ta’ 11-2 bi trippla ta’ Vires għal skor ta’ 35-8. Athleta finalment bdew jirkupraw u kellhom il-punti minn Montague u Luca Stefanovic però Demcesen beda jagħmel ħafna ħsara taħt il-boards fejn beda jikkombina tajjeb ma’ Vires u Shoults biex Hibs daħlu jistrieħu 51-20 minn fuq.

Wara l-intervall, il-punti naqsu xi ftit u kienet l-unika sessjoni li Athleta rnexxielhom jerbħu. Players żgħażagħ bħal Ryan Abela tħallew fuq il-court minn Farrugia u almenu huma llimitaw id-danni u ħallew lil Hibs fuq vantaġġ ta’ 30 punt 65-35. Fl-aħħar taqsima kien hemm aktar spazju għal players ta’ fuq il-bank b’Jordan Ellul Dowling u Isaac Xuereb għall-Athleta u Matthew Attard għal Hibs. Ellul Dowling kellhu trippla għall-Athleta però Hibs għalqu l-partita kif bdewha, b’run ta’ 14-2 bil-punti ta’ Demcesen u Christian Soderholm biex ħarġu rebbieħa 88-47.

Gżira Athleta: Z. Hudson 6, S. Montague 23, F. Mifsud Bonnici 3, L. Stefanovic 2, J. Ellul Dowling 3, N. Xuereb 1, I. Xuereb 2, S. Vincic, R. Abela 7, B. Zammit.

Hibs: M. Vires 24, N. Cassar, D. Bugeja 14, L. Farrugia, A. Axiaq, R. Aquilina, M. Attard, C. Soderholm 20, I. Demcesen 27, P. Shoults 3.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Vladimir Nikolic

Rebħa drammatika tpoġġi lil Luxol fil-finali kontra Hibernians

Hibernians……………………………70

ARMS Depiro……………………….48

(19-7)(11-13)(23-20)(17-8)

L-ewwel team li wasal fil-finali tas-Shield huma Hibernians li għelbu lil ARMS Depiro 70-48 wara li ġimgħa ilhu kienu rebħu 85-62. Hibs irkupraw lil Ashleigh Van Vliet għal din il-partita fil-waqt li Depiro għadhom mingħajr l-Amerikana Hannah Johnson u kellhom nieqsa wkoll lil Leanne Duncan. Bidu tajjeb tal-partita ra lil Hibs jieħdu vantaġġ fl-ewwel sessjoni li mbagħad żammew tul il-konfront kollhu minkejja l-isforzi ta’ Depiro. Fil-fatt wara li Depiro marru fuq quddiem bi trippla ta’ Monique Caruana, kien hemm risposta minn Hibs bi break ta’ 13-2 bil-punti tal-Amerikana Kenyotta Jenkins flimkien ma’ Ylenia Bonett u Van Vliet. Punti minn Iona Agius u Jenkins taw vantaġġ ta’ 12 -il punt lill-Pawlisti fit-tmiem l-ewwel sessjoni 19-7. Fit-tieni perjodu Hibs komplew b’seba’ punti oħra fosthom trippla ta’ Agius. Hawn Depiro kellhom mument tajjeb u megħjjuna wkoll minn turnovers ta’ Hibs, huma għamlu run ta’ 13-2 bi trippli minn Caruana u Nicole Agius u sal-mistrieħ naqqsu d-distakk għal 10 punti, 20-30.

Fit-tielet taqsima kienu Hibs li għamlu l-ewwel sitt punti qabel ma Depiro wieġbu permezz ta’ Claire Ciantar u Julia Xerri. Depiro rnexxielhom jaslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod 33-41 hekk kif trippla ta’ Sam Brincat tat ftit nifs lil Hibs. Sa’ tmiem il-perjodu, Hibs irnexxielhom jerġgħu jiftħu vantaġġ ta’ 13 -il punt 53-40 b’aktar punti ta’ Bonett u Jenkins. Fl-aħħar sessjoni Hibs fetħu b’run oħra ta’ 9-2 bit-tieni trippla ta’ Brincat u fetħu vantaġġ ta’ 20 punt li kien ferm diffiċli għal Depiro li jirkuprawh minkejja l-isforzi speċjalment ta’ Caruana li kważi għamlet il-punti kollha tagħhom. Għal Hibs għalqu l-partita Marie Buhagiar u Van Vliet biex ħadu r-rebħa 70-48.

Hibernians: M. Buhagiar 4, I. Agius 5, Y. Bonett 20, A. Van Vliet 11, S. Brincat 6, B. Agius, J. Abela, C. Camilleri, E. Farrugia, K. Caruana, K. Jenkins 24.

ARMS Depiro: M. Caruana 16, Ni. Agius 13, J. Xerri 5, J. Mallia, T. Mfsud, No. Agius, C. Ciantar 7, N. Hili3, N. Ebejer, N. Borg, D. Galea 4, E. Cassar

Referees: Kamil Dworniczak, Ionut Ciurariu, Matthew Scerri.

Caffè Moak Luxol………………………….49

Starlites Naxxar……………………………..48

(9-12)(6-11)(13-18)(21-7)

Basket ta’ Sharon Vella b’inqas minn 3 sekondi għal tmiem il-partita kien deċisiv għal Luxol biex joħorġu rebbieħa fit-tieni semifinali kontra Starlites Naxxar 49-48 fit-tmiem drammatiku. Starlites għandu għalfejn iħossuhom sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta minn din il-partita hekk kif bdew l-aħħar taqsima 13 -il punt minn fuq. Però fl-aħħar sessjoni l-għajjar u n-nuqqas t’esperjenza kienu l-fattur li ddeterminaw run ta’ 12-2 minn Luxol li tathom ir-rebħa. Il-partita kellha bidu kwiet bil-punti jaslu bil-mod u Luxol jiftħu vantaġġ żgħir ta’ 3 punti 5-2. Starlites irrispondew b’żewġ trippli ta’ Stephanie Davies u Mikela Riolo u kienu huma li temmew it-taqsima minn fuq 12-9. Fit-tieni sessjoni Starlites kabbru l-vantaġġ bi break qasir ta’ 8-2 minn Maria Bonett u Christina Curmi. Luxol kellhom risposta minn Susanna Bonfiglio però Starlites għalqu t taqsima bi trippla ta’ Andie Saliba biex daħlu jistrieħu 23-15 minn fuq.

Fit-tielet perjodu kien hemm aktar trippli minn Saliba u Riolo għal Starlites biex kabbru l-vantaġġ għal 12 -il punt. Luxol waqqfuhom bil-punti ta’ Josephine Diaby u trippla ta’ Sarah Pace però pronta kienet ir-risposta ta’ Starlites b’aktar three poiners ta’ Riolo u Davies biex temmew is-sessjoni 41-28 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Luxol fetħu mal-ewwel b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla tal-Amerikana Jennifer Oramas. Starlites dehru maħsuda u Luxol wettqu s-sorpass b’run ta’ 12-2 minn Oramas, Diaby u Mandi Mercieca biex marru minn fuq 47-46. Fl-aħħar sekondi, freethrows ta’ Bonett reġgħu poġġew lil Starlites fuq quddiem. Il-coach ta’ Luxol Santino Coppa għajjat time-out, l-iskema wasslet il-ballun għand Sharon Vella li skurjat il-basket tar-rebħa fost il-ferħ tal-players sħabha hekk kif Luxol rebħu l-partita 49-48 u qatgħu passaġġ għall-finali kontra Hibernians fl-10 ta’ Frar 2022.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace, S. Pace 6, M. Mercieca 4, N. Vella 2, S. Vella 4, A. Borg, P. Ellul, J. Diaby 19, S. Said, S. Bonfiglio 7,  A. Fenech Pace, J. Oramas 7.

Starlites: A. Saliba 9, M. Riolo 14, K. Pirotta, S. Farrugia, M. Bonett 8, K. Portelli 2, M. Fenech 2, C. Vella, S. Wilk 2, S. Davies 6, C. Curmi 5.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Nicky Azzopardi