Lokali

Il-maltempata prevista li tolqot lil pajjiżna se nevitawha

It-temp, jew aħjar il-maltemp, huwa tema li bla dubju kienet fuq fomm kulħadd fl-aħħar jiem. Dan mhux b’kumbinazzjoni għaliex fuq pajjiżna kien previst li se tgħaddi maltempata kbira li anke laqtet lill-ġirien tagħna fi Sqallija.

Madanakollu, minkejja li kelna maltempati bir-ragħad, kelliem mill-Uffiċċju Meterjoloġiku, ikkonferma ma’ Net News li l-maltempata li kienet imsemmija mhux se tolqot lil pajjiżna.

Fatt interessanti hu li pajjiżna kien ilu ma jara daqshekk xita f’Ottubru għal snin twal. Dan filwaqt li Ottubru tas-sena li għaddiet kien l-iktar wieħed li fih rajna riħ tul dawn l-aħħar snin. Intant, jidher li fil-jiem li ġejjin it-temp se jikkalma u ftit li xejn hu mistenni maltemp bħal dak li kellna fl-aħħar sigħat.

L-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta appella lill-pubbliku biex jiġbor l-informazzjoni tat-temp u anke twissijiet mis-sit uffiċjali tagħhom ….u mhux minn sorsi oħrajn fuq il-medja soċjali, għaliex dawn mhux dejjem jagħtu informazzjoni korretta.