Lokali Parlament

Il-Parlament m’għandux japprova dan il-Baġit għax inkella jkun kompliċi fis-serqa tat-tlett sptarijiet u addio lista griża u ħruġ minnha

  • Adrian Delia, Deputat Nazzjonalista

Adrian Delia, Deputat Nazzjonalista, tkellem fil-parlament dwar il-kuntratt li l-Gvern Laburista minn wara dahar il-poplu għamel ma’ Vitals u issa ma’ Stewart dwar it-tlett sptarijiet pubbliċi u qal li issa l-Gvern, f’dan il-Baġit qed jitlob li jkun hemm żieda ta’ €23 miljun għas-sena d-dieħla biex jingħataw lil Stewart. Hekk is-somma li l-Gvern ikun qed jgħaddi lil Stewart titla għal €70 miljun.

Hu qal li l-aħbar żvelata li l-ftehim li hemm jipprovdi li dawn il-flejjes jirċevihom xorta waħda u minkejja kollox anki jekk ma jagħmel xejn hi għal kollox ta’ insult għall-poplu Malti u Għawdxi. Anki jekk ma jinvestux dawn il-flus fl-isptarijiet jew fis-servizzi li suppost jingħataw, il-Gvern qabel li l-flus jingħataw lil Stewart xorta waħda.

Adrian Delia qal li hawnhekk qed nitkellmu dwar €70 miljun f’sena waħda biss u qed jingħataw lil xi ħadd li akkwista kuntratt frawdolenti u korrett.

Liema sistema fid-dinja tippermetti lill-Gvern biex juża dawn l-ammonti ta’ flus biex jaġevola lil xi ħadd fejn hu magħruf li hu mdaħħal f’kuntratt frawdolenti u korrott?

U kif il-Banek jaċċettaw flus nodfa għal kuntratt maħmuġ? Illum anki għal transizzjoni ta’ ftit eluf, il-Banek jaqilgħulek fwiedek, iżda issa għandna Bank partikulari li se jirċievi 70 f’sena waħda li se jitħallsfu fuq kuntratt frawdolenti u korrott?

Adrian Delia qal li min se jieħu r-responsabbiltà għal dan kollu? Min se jaċċetta li Bank partikulari jirċievi dawn il-miljuni meta fin-nofs hemm kuntratt korrott?

Liema sistema fid-dinja taċċetta dawn l-affarijiet kollha fejn il-Gvern flok jaġixxi fl-interess tal-poplu, jaġixxi fl-interess ta’ xi ħadd moħbi wara kuntratt kontrott?

Hu staqsa kif nistgħu nittieħdu bis-serjetà mill-Ewropa u mid-dinja u minn dawk li qed jimmilitaw fil-Grey Listing? Ħadd m’hu se jeħodna bis-serjetà hekk kif l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż tkun hi stess li tikser ċerti liġijiet bħall-ħasil ta’ flus u dan meta l-Parlament jaf tajjeb li dawn il-flus se jkunu qed jitħallsu għal kuntratt frawdolenti u korrott. Kemm-il darba l-Parlament japprova dan il-Baġit kif inhu allura se jkun qed ikun kompliċi f’dan il-ħasil ta’ flus u f’din is-sitwazzjoni tant perikoluża.

Wissa’ lil kull Deputat fil-Kamra li bil-vot f’din il-Kamra dwar dan il-Baġit ma jistax japprova li xi ħadd jingħata dawn is-70 miljun. Dinhi transazzjoni illegali.

Lill-poplu nbeżżgħuh li jkun investigat sal-inqas ċenteżmu kif jonfqu, iżda l-Gvern imbagħad qed jagħmel xi ħaġa mill-aktar abbużiva u kriminali u mhux permissibbli.

Hu stieden għall-aħħar darba li xi ħadd iqum fil-Kamra u jgħid il-verità dwar dan il-vot. Kif jista’ jkun li 70 miljun jingħataw lil xi ħadd meta anki l-kumpanija stess issa qed tgħid li dan hu kuntratt frawdolenti u korrott.

Ma nistgħux naċċettaw affarijiet bħal dawn għaliex il-Parlament għandu jkun ta’ eżempju korrett u tajjeb u mhux li wkoll ikun kompliċi fil-ħniżrijiet li qed isiru f’pajjiżna.