Lokali

“Irridu biss pajjiż li fih il-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd” – Repubblika

“Irridu biss pajjiż li fih il-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd. Irridu biss pajjiż li jippremja s-sewwa u mhux lil min jagħmel il-ħażin.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina wara li t-Tlieta bdew protesta ta’ 72 siegħa quddiem id-Depot, bl-għaqda Repubblika tinsisti li għandha tieqaf il-kultura ta’ impunità li qed jippermettu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Prim Ministru Robert Abela.

Robert Aquilina ħeġġeġ lil dawk kollha li jaqblu mal-messaġġ li qed twassal l-għaqda Repubblika biex l-Ġimgħa, jingħaqdu magħhom fi Protesta Nazzjonali fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija fi Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta… protesta li se tkun qed issir f’għeluq it-tliet xhur mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li wara 3 xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din l-inkjesta tal-Istat li sabet lill-Istat responsabbli mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ħax il-passi u d-deċiżjonijiet ovvji li kellu jieħu.

Robert Aquilina qal li mhuwiex aċċettabbli li f’pajjiżna jkollna lil min hu untouchable. Mhuwiex aċċettabbli li kważi sitt snin mill-pubblikazzjoni tal-Panama Papers il-pulizija għadu ma rnexxielha tressaq lil ħadd il-Qorti. Mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm skandli ta’ miljuni kbar ta’ ewro misruqa lill-poplu Malti u jibqa’ ma jsir xejn dwarhom.

U quddiem dan kollu mhux aċċettabbli li jkollna Prim Ministru li jkompli jipproteġi lil dawn in-nies bis-silenzju u bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.