Enerġija Lokali Saħħa

Jibqgħu ma jikkundannawx id-deals ta’ Vitals, Steward u Electrogas

Minn xahar għall-ieħor l-Awditur Ġenerali jinvestiga u jippublika numru ta’ rapporti dwar diversi temi differenti li fihom ikun direttament involut il-Gvern u flus il-poplu Malti u Għawdxi. U kif jagħmel kull sena, il-Gvern, permezz tas-Segretarju Permanenti u Segretarju tal-Kabinett f’Kastilja, Mario Cutajar, joħroġ dokument voluminuż dwar il-ħidma li tkun saret fuq ir-rakomandazzjonijiet li jkun għamel l-Awditur Ġenerali.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, li fiha ħareġ kif il-Gvern naqas milli jimplimenta 10% tar-rakomandazzjonijiet, staqsejna lil Mario Cutajar dwar il-kundanna li kien għamel l-NAO fuq id-deal tal-isptarijiet. Għaliex il-kliem Vitals u Steward, f’dan id-dokument, fil-parti li fiha hemm id-dettalji tas-settur tas-saħħa, ma nstabux.

L-Awditur Ġenerali mhux biss ikkundanna l-mod kif intagħżlu Vitals u Steward iżda kien kritiku ħafna wkoll fuq il-proċess li bih il-Gvern għażel lill-Electrogas ghall-powerstation il-ġdida. Kien għalhekk li erġajna staqsejna x’se jagħmel il-Gvern fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti – kuntratti li kienu kkundannati mill-NAO – deals li għalihom il-poplu Malti qed iħallas il-miljuni u ma jieħux is-servizz imwiegħed. Madanakollu, bqajna bla risposta.