Enerġija Lokali

Konferma li għadna qed ninsterqu mill-kontijiet; għad m’għandhomx soluzzjoni

Inti, jien, u kull persuna li tgħix f’Malta u f’Għawdex li tikkonsma l-elettriku, qed tinsteraq minn kull kont tad-dawl li nirċievu. Dan mhux qed ngħiduh aħna, imma qed jgħidu l-Gvern Laburista stess, li wara snin jaħrab minn din ir-realtà, fil-qari tal-Budget ammetta li l-Maltin u l-Għawdxin qed jinsterqu u qed inħallsu miljuni żejda fuq kull kont li nirċievu.

Il-Ministru Miriam Dalli, li hi inkarigata mis-settur tal-enerġija, meta mistoqsija x’soluzzjonijiet tagħti lill-poplu li bħalissa għadu qed jinsteraq bagħtet lin-nies jistaqsu lill-ARMS Fl-2018, jiġifieri tliet snin ilu, Joseph Muscat, meta kien Prim Ministru, u konsulent tiegħu kellu lil Robert Abela, kien qalilna li se jindirizza din l-anomalija fil-kontijiet.

Tliet snin li fihom il-Labour baqa’ m’għamel xejn u ħalliena nħallsu ż-żejjed fil-kontijiet tad-dawl. Kien għalhekk li staqsejna lill-Ministru Dalli, x’se jkun qed jagħmel il-Gvern issa li kien konfermat li qed ninsterqu. Miriam Dalli qaltilna li bħalissa qed jaraw kif se jsolvu din l-anomalija pero minkejja din l-ispjegazzjoni, il-Ministru ma qaltilniex meta se jieqaf jinsteraq il-poplu Malti.

B’kuntrast għal dan, il-Partit Nazzjonalista, wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss jirranġa din is-sistema, iżda jagħti lura lill-poplu l-flus kollha li ħallas żejjed fis-serq tal-kontijiet – xi ħaġa li l-Gvern Laburista kkonferma li mhux se jagħmel.