Futbol Sport

L-organizzatur tal-vjaġġ ta’ Emiliano Sala jinstab ħati

(Ritratt: EPA)

Dean Henderson, il-persuna li kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-vjaġġ ta’ Emiliano Sala nstab ħati li pperikola s-sigurtà tat-titjira li saret bejn Nantes u Cardiff.

Il-ġurija sabet lil Henderson ħati b’vot ta’ 10 kontra 2. L-ajruplan li kien qed iwassal lil Sala kien waqa’ fil-21 ta’ Jannar tal-2019 fejn kawża ta’ dan kien tilef ħajtu wkoll il-pilota David Ibbotson li aktar tard kienet ukoll ħarġet l-aħbar li ma kellux il-liċenzja biex itajjar ajruplan kummerċjali u jtajjar ajruplan bil-lejl.

Il-ġurija damet tiddelibera għall-aktar minn seba’ sigħat u nofs bis-sentenza finali mistennija tittieħed fit-12 ta’ Novembru. Fil-Qort ħareġ li Henderson kien ċempel lil Ibbotson sabiex itajjar l-ajruplan waqt li kien fuq vaganza mal-mara tiegħu. Wara li kien ħareġ li waqa’ l-ajruplan, Henderson kien bagħat messaġġ lil numru ta’ persuni biex ma jikxfux li hu kien il-moħħ wara t-titjira.

Fay Keely li huwa s-sid tal-ajruplan kien avża lil Henderson biex ma jħallix lil Ibbotson itajjar l-ajruplan wara li l-Awtorità Ċivili tal-Avjazzjoni kienet irrimarkat kif Ibbotson kellu żewġ każijiet ta’ ksur ta’ regoli tal-ivjaġġar.