Lokali Qorti

Spanjola viżibilment ixxokkjata wara li ġiet iffastidjata minn anzjan fil-każin Laburista tal-Floriana

Żagħżugħa Spanjola deheret viżibilment ixxokkjata minn filmati tas-CCTV u dan wara li kienet iffastidjata minn anzjan fil-każin Laburista tal-Florioana fl-14 ta’ Novembru li għadda. It-tfajla li kienet mal-għarus tagħha barra u marret mal-bar biex tordna tnejn kafe.

Hemm pensjonant ta’ 75 sena, allegatament taha fastidju sesswali u dan wara li hija niżlet isfel biex tmur it-tiolet. Roger Galea, mir-Rabat, niżel warajha u qalilha. “Hello sabiħa! Kif int?” Huwa anke kien sellem lill-klijent waqt li hi għamlet l-ordni tagħha u talbet direzzjonijiet għat-toilets.

Hija niżlet sitt tarġiet fil-livell tal-kantina fejn hemm il-kamra tal-banju u ħarġet ftit tal-minuti wara u sabet lir-raġel fil-bieb, u bblokkala t-triq. Allegatament huwa xtaq ibusha u qabadha l-id ix-xellugija u biesha fuqha. It-tfajla ppanikkjat u bdiet tgħidlu biex iħalliha tmur. “Ħallini, ħallini,” u f’xi ħin irnexxielha tiżgiċċalu.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Gabriel Micallef li qal li t-tfajla qalet x’kien ġara lil tal-bar u wara għamlet rapport lill-Pulizija, u dan fuq parir ukoll tal-istess barman. Ġie preżentat rapport fl-għassa tal-Belt Valletta u Galea ġie arrestat. Huwa qed iwieġeb mhux ħati li ssuġġetta lill-mara għal atti li għandhom konnotazzjoni sesswali.

Il-Qorti, ippreseduta mill-maġistrat Elaine Mercieca Rizzo, semgħet kif l-akkużat ikkonsulta mal-Avukat tal-Għajnuna Legali u mill-ewwel ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih. L-Ispettur Micallef qal li ċċekkjaw filmati minn CCTV li hemm fejn il-bar, iżda filmati ta’ fejn it-tiolet’s mhemmx u qal ukoll li hemm sitt tarġiet biex tinżel minn post dejjaq sabiex tasal. Bħala distanza qal li kull ma hemm huma erba’ metri.

Qal li minkejja li l-filmati tas-CCTV huma bla ‘sound; mill-body language tat-tfajla ġie nnutat li din kienet imbeżża’ ħafna. Qal li dak inhar fil-każin mhux żgur kien hemm tnejn minn nies preżenti. Xehdu numru ta’ Pulizija oħra li kienu konsistenti ma’ dak li qal l-Ispettur.

Meta tressaq il-Qorti Roger Galea kien ingħata il-liberta’ proviżorja kontra depożitu ta’ €2,500, garanzija personali ta’ €5,000, u ordnat biex jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa gl-għassa tal-pulizija u jirrispetta curfew bejn it-8pm u s-7am u ma jikkomunika bl-ebda mod max-xhieda tal-prosekuzzjoni. Il-Qorti kienet għamlitilu ċara biex ma jersaqx lejn il-Floriana.