Lokali Qorti

Żewġ Bulgari mhux ħatja ta’ konfoffa għal kriminalità organiżżata biex ipoġġu tagħmir fuq ATM’s u jwettqu frodi

Żewġ irġiel Bulgari ma nstabux ħatja li jipparteċipaw fil-kriminalità organizzata u li ffrodaw lil diversi persuni meta poġġew tagħmir fuq ATM’s biex serqu aċċess u data permezz ta’ ‘camera’ moħbija u dan għal gwadan personali tagħhom. Huma ġew illiberati mill-qorti tal-appell fuq dawn l-akkużi wara li kienu nstabu ħatja fil-qorti tal-Maġistrati.

Kitanchev Blagoy Zhorov ta’ 37 sena u Polihronov Spas Georgiev ta’ 45 sena kienu ġew akkużati li pparteċipaw fil-kriminalità organizzata fl-2017, b’Zhorov waħdu jkun akkużat li kellu għodda li tintuża biex iwettaq attakki ta’ ‘l hekk imsejjaħ ‘card skimming’ fuq ATMs.

F’Novembru 2019 iż-żewġt irġiel kienu ngħataw sentenza ta’ ħabs, Zhorov kundannat sitt snin u Georgiev għal ħamsa, bil-qorti tordnahom iħallsu ‘l fuq minn €3,000 fi spejjeż tal-esperti. L-Imħallef Giovanni Grixti, li jippresiedi l-qorti tal-Appell Kriminali, innota li l-pulizija Maltija kienet ġiet notifikata mill-Europol li l-koppja kellhom pjanijiet biex imorru lejn Sqallija biex iwettqu attakki ta’ ‘skimming’ hemmhekk, qabel ma jmorru lura Malta.

L-imħallef osserva li r-reat ta’ konfoffa kellu tliet rekwiżiti: ftehim bejn żewġ persuni jew aktar, intenzjoni li jitwettaq reat u ftehim dwar il-metodu. Fil-Qorti kien intqal li fil-bagalji ta’ Blagoy nstabu għodod użati għal ‘skimming’ tal-ATM’s, filwaqt li fil-pussess ta’ Spas ġie rkuprat ‘hard drive’ li kien fih sigħat ta’ filmati ta’ ‘keypad’ tal-ATM.

Wara li rreveda l-provi, l-imħallef qal li ma kellu l-ebda dubju li l-akkużat kien Malta bil-għan li jwettaq frodi tal-ATM. Iżda, qal l-Imħallef, dan ma kienx biżżejjed biex tinstab ħtija fuq akkuża ta’ konfoffa kriminali, li qal kellha tkun ippjanata u miftiehma f’Malta.

“Din hija kwistjoni ġurisdizzjonali fejn il-liġi tikkastiga l-konfoffa maqbula f’Malta u mhux lil hinn minn xtutna. Dak li l-liġi tipprova tipprevjeni huma konfoffa kriminali magħmula f’Malta. Issa jekk il-konfoffa saret barra minn Malta u l-konspiraturi jaslu Malta biex iwettqu dak li kienu ftehmu dwaru, l-Artikolu 48A ma jistax jiġġebbed b’tali mod li l-wasla tagħhom f’Malta tista’ titqies bħala forma ta’ novazzjoni, kif jiġri fil- sfera tal-liġi ċivili.”

Il-Qorti iżda qalet li ma kellhiex dubju li l-għodda tal-metall kienu tal-akkużat Blagoy, minkejja l-pretensjonijiet tagħhom li sabuhom f’bagalja mislufa mingħand ħabib fil-Bulgarija. Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti ddikjarat lill-irġiel mhux ħatja tal-ewwel żewġ akkużi, relatati ma’ konfoffa kriminali u sħubija fi grupp tal-kriminalità organizzata u ddikjarat biss lil Blagoy ħati tat-tielet akkuża, dik tal-pussess tal-għodda illeċita, u kkundannatu sentejn ħabs. u jħallas €432.70 fi spejjeż. L-għodda esebiti ġew ikkonfiskati mill-qorti. L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard dehru għall-Bulgari.