Lokali

“Żmien l-impunità għandu jispiċċa” – Bernard Grech

“Żmien l-impunità għandu jispiċċa”. Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech meta żar lil membri tal-għaqda Repubblika fil-protesta li qed jagħmlu quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.

Bernard Grech tenna li f’pajjiżna fl-aħħar snin rajna kif il-libertà tal-espressjoni qed tkun mhedda kontinwament u jeħtieġ li jkollna pajjiż li kull istituzzjoni taħdem, u taħdem indipendament.

Huwa qal li PN fil-Gvern se jkun qed jagħmel minn kollox biex l-istituzzjonijiet ikollhom il-poteri, u ma jkunux miżmuma milli jaqdu dmirhom fil-konfront ta’ dawk li jwettqu xi forma ta’ inġustizzja kontra l-poplu Malti u Għawdxi.

Bernard Grech għamel appell qawwi biex jieqfu l-attakki fuq il-ġurnalisti – wara li din il-ġimgħa l-preżentatur tal-midja Laburista Karl Stagno Navarra attakka lill-midja indipendenti. Hu insista li quddiem din is-sitwazzjoni, il-PM għandu jieħu passi.

Fil-messaġġ tiegħu l-Kap tal-PN irringrazzja lis-soċjetajiet ċivili li b’xi mod qed jagħmlu l-biċċa tagħhom biex l-impunità f’pajjiżna tieqaf darba għal dejjem u appella lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex minnufih jinvestiga lil Konrad Mizzi. Huwa qal li l-messaġġ fil-konfront ta’ Konrad Mizzi għandu jkun ta’ Parlament wieħed li jitlob biex hu jwieġeb għal għemilu quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u li dan bħalissa mhux isir, għax il-PM Robert Abela, il-Ministri u d-deputati tan-naħa tal-Gvern qed jibqgħu jipproteġuh.

Bernard Grech qal li dan il-pajjiż jixraqlu li jkollu l-verità u li jara li ssir ġustizzja, għax fuq kollox il-poplu Malti, speċjalment iż-żgħażagħ jridu li Malta tkun nazzjon ġust.