Lokali Qorti

Akkużat li kkaġuna feriti gravi fuq l-eks sieħba tiegħu u b’theddid jekk tirrapurtah

Rolf Bo Martin Wessberg ta’ 37 sena, ta’ nazzjonalità Svediża u li huwa residenti l-Gżira ġie akkużat li nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru f’appartament fl-istess lokalità huwa kkaġuna feriti gravi fuq dik li kienet is-sieħba tiegħu għal dawn l-aħħar 12-il xahar. L-akkużat li ilu jgħix Malta 11-il sena baqa’ miżmum taħt arrest wara li ġiet miċħuda t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest.

Huwa ġie mixli wkoll li hedded lil mara diversi drabi li jekk kienet se tagħmel rapport lill-Pulizija li kien qed isawwatha kien se jtella’ filmati tagħha fuq il-media soċjali. Għaldaqstant huwa ġie mixli li permezz ta’ network jew apparat ta’ kommunikazzjon i elettroniku, heddidha u nġurjaha bl-iskop li jagħmlilha ħsara.

Wessberg ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li ħareġ il-barra mill-limiti ta’ provokazzjoni u li nhar il-Ħamis li għadda, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Floriana, kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina.

Meta kien mistoqsi jekk għandux impieg, l-akkużat qal li huwa jmexxi żewġ negozji u wieġeb li mhuxwix ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Il-Qorti ma laqgħetx ukoll talba tad-difiża biex mhux biss ma tissemmiex isem l-allegata vittma, imma wkoll tal-akkużat.

L-Avukat Alfred Abela għall-akkużat qal li l-vittma toqgħod il-Mosta u l-akkużat il-Gżira u għalhekk fost il-kundizzjonijiet imposti għandu jkun hemm li huwa ma jersaqx lejn il-Mosta. Tenna wkoll li mingħajr dubju se tiġi fis-seħħ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara, bl-akkużat għandu rabtiet ma’ Malta sew u għandu dħul u mpieg garantit.

Ingħad ukoll mid-difiża li ma hemm l-ebda biża’ li huwa jaħrab minn Malta. Xi ħaġa li l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar ma qablitx fejn u li hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi jew anke saħansitra jittellgħu l-filmati tal-vittma fuq il-media soċjali kif l-akkużat jemm il-darba wissiha li kien se jagħmel.

L-Avukat Abela qal li l-computer tal-akkużat u dak kollu li kien disponibbli għalih jinsab u huwa maqbud kollu għand il-Pulizija. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li wieħed jista’ jaċċessa dan kollu minn fuq Cloud u qal ukoll li kien se jiċħad it-talba minħabba l-akkużi serji ta’ Wessberg.