Lokali

Bosta jinġabru fil-Bażilika ta’ Santa Marija sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Joe Debono

Joe kien bniedem li kellu l-virtujiet tal-umiltà, s-sempliċità, professjonalità u l-kreattività. Bniedem li ra kif għamel u dejjem ħa ħsieb il-familja, il-ħbiberija u wisq aktar ruħu.

Sostna dan Dun Luke Cutajar hekk kif il-Ġimgħa waranofsinhar bosta qraba u ħbieb taw l-aħħar tislima lill-preżentatur, attur, u kittieb, Joe Debono fil-Bażilika ta’ Santa Marija fil-Mosta… wara li jumejn ilu tilef hajtu wara battalja twila mal-kundizzjoni tal-ALS fl-eta ta’ 63 sena.

Fi Knisja mimlija nies sabiex isellmu għall-aħħar darba lil Joe Debono, fejn preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mas-Sinjura Grech, Dun Cutajar irrakkonta kif ftit tax-xhur ilu kien talbu sabiex jiltaqa’ miegħu u insista miegħu li ma riedx jitlob sabiex ifiq hu, iżda bil-għan li jinstab fejqan għal ħaddieħor. Huwa saħaq li Joe Debono għallmu ħafna… u iddeskrivieh bħala bniedem li b’mod mill-aktar sempliċi kien kapaċi jgħaddi dak li kellu f’qalbu lil ħaddieħor.

Huwa saħaq li fix-xogħol tiegħu Joe kien jaghmel l-għalmu kollu tiegħu bil-għan li jkun ta’ ġid għaċ-ċittadin. Dun Luke Cutajar saħaq li Joe Debono sena u nofs ilu ddeċieda li jaqsam il-vulnerabilità tiegħu mal-bqija tal-poplu sabiex aħna lkoll nitgħallmu nkunu wkoll ta’ ġid għal ħaddieħor.

Dan filwaqt li stqarr li tul ix-xhur kollha ta’ tbatija huwa xorta waħda baqa’ juża l-kreattività u l-entużjażmu tiegħu sabiex jgħin lil ħaddieħor fost oħrajn fil-ġbir ta’ flus għal kawża ġusta ta’ Dar Bjorn il-ġdida.

Minkejja li warajh ċertament se jkun qiegħed iħalli vojt, Dun Luke Cutajar insista li l-messaġġ ta’ karità u sempliċità ta’ Joe Debono għandna nżommuh f’għemilna… u nsarrfuh f’għajnuna lil ħaddieħor.

Inselmulek Joe… u grazzi, tat-tbissim kollu li ġibtilna.