Lokali

Fuq il-kontijiet tad-dawl… Carmelo Abela jgħid li “għadna qed naraw”

Il-Gvern tal-Labour mhux biss mhux qed jagħti garanzija li l-flus misruqa mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jingħataw lura …iżda issa qed jagħmel u-turn fuq oħra.

U minkejja li l-anomalija fil-kontijiet tad-dawl ġiet rikonoxxuta kemm snin ilu mill-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Joseph Muscat, kif ukoll mill-Ministru tal-Finanzi attwali Clyde Caruana waqt id-diskors tal-budget – il-poplu għadu qed jinsteraq mill-Gvern ….kont wara l-ieħor.

Wara li Net News kellem lill-Ministru responsabbli mill-Enerġija Miriam Dalli u ddereġiet lill-poplu sabiex jekk għandhom xi ilment iwasluh lill-ARMS..mingħajr ma tat ebda soluzzjoni, issa kien imiss lill-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, sabiex ifarfar.

Dan hekk kif meta mistoqsi jekk il-Gvern hux se jagħti garanzija li l-flus li insterqu se jingħataw lura huwa qalilna biss li għadhom qed jaraw.

Mistoqsi sabiex iwieġeb ċar u tond jekk hux se jitħallsu jew le, il-Ministru Abela baqa’ jaħrab mid-domanda.

Dan minkejja li fir-realtà bosta familji Maltin u Għawdxin m’huma jħossu ebda roħs fil-kont tad-dawl u l-ilma – anzi, qed jirċievuh kważi d-doppju ta’ dak li kienu jħallsu għalih sa sena ilu.

Net News staqsa wkoll lill-Ministru Abela jekk fil-fehma tiegħu ż-żieda ta’ €1.75 għal għoli tal-ħajja, li wara t-tnaqqis ta’ taxxa tinżel €1.54 fil-but taċ-ċittadini, hiex biżżejjed biex tindirizza l-isplużjoni fil-prezzijiet bażiċi.

Il-verita’ hi…li polz il-poplu ma jidhirx li qiegħed jinħass taħt dan il-Gvern, b’żidiet sostanzjali f’affarijiet ta’ bżonn u ta’ kuljum, bħal mediċini, ħobż, prodotti tal-ħasil u ikel varju.